Internazzjonali

Stati Uniti: Indikazzjonijiet minn Donald Trump li ‘se jitlaq mill-White House’… iżda t-tellieqa, għalih, ma spiċċatx

Il-President Amerikan, Donald Trump, fl-aħħar sigħat qal li għandu joħroġ mill-White House f’każ li Joe Biden ikun uffiċjalment ikkonfermat bħala l-President ġdid tal-Istati Uniti.

Trump ħareġ bl-indikazzjoni sinfikanti waqt li kien qed iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti għall-ewwel darba mindu hu tilef il-vot tat-3 ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana. Madankollu, hu sostna li ‘it-tellieqa għadha ma spiċċatx’ u għadu ma ammettiex uffiċjalment it-telfa. Fil-fatt, Trump baqa’ jinsisti bl-akkużi dwar frodi li bl-ebda mod mhuma qed ikunu sostanzjati.

Numru ta’ Stati Amerikani qegħdin jiċċertifikaw ir-riżultati tal-vot elettorali fuq bażi individwali. Dan wara li Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku, hu proġettat bħala rebbieħ tal-elezzjoni b’vantaġġ insuperabbli.

Biden, fil-fatt, kiseb 306 voti kontra l-232 vot għal Trump skont is-sistema tal-Kulleġġ Elettorali li tintuża għall-konferma tal-Presidenti Amerikani li jingħataw mandati ta’ erba’ snin. Dan ifisser ukoll li Biden qabeż sew it-threshold ta’ 270 vot meħtieġa għal rebħa u meta hu għandu wkoll vantaġġ ta’ sitt miljun vot ‘popolari’ fuq Trump.

Sadanittant, l-eletturi fl-Istati Uniti se jiltaqgħu biex jifformalizzaw ir-riżultat tal-elezzjoni fl-14 ta’ Diċembru – b’Joe Biden għandu jingħata l-ġurament ta’ President fl-20 ta’ Jannar li ġej.

Il-President Trump u s-sostenituri tiegħu ressqu numru ta’ sfidi legali relatati mal-elezzjoni iżda l-parti kbira tagħhom twarrbu inkella spiċċaw invalidati.

Aktar kmieni fil-ġimgħa, Trump qabel biex jippermetti t-tranżizzjoni formali għat-tmexxija ġdida tal-Istati Uniti b’Joe Biden bħala President – u wara diversi ġimgħat ta’ tensjoni u inċertezza. Id-deċiżjoni tfisser li Biden jista’ ikun aġġornat bl-aħħar żviluppi dwar is-sigurtà nazzjonali waqt li jingħata aċċess għal miljuni ta’ dollari, bħala fondi, waqt li jwitti t-triq għall-amministrazzjoni ġdida.

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti mill-White House, Trump qal li ‘hu, ċertament, għandu jitlaq mill-White House’ f’każ ta’ konferma assoluta tat-telfa elettorali. Iżda hu, imbagħad, ikkummenta li ‘(l-eletturi) se jagħmlu żball jekk jeleġġu lil Biden’ waqt li suġġerixxa li jista’ ma jaċċetta qatt it-telfa.

‘Se tkun ferm diffiċli li nammetti telfa għaliex ( ir-Repubblikani) jafu li l-elezzjoni qed tirrifletti l-frodi fuq bażi massiċċa’, kompla Trump b’referenza għad-diversi akkużi tiegħu dwar manipulazzjoni tal-vot li ma kienet qatt ippruvata.

Madankollu, it-tranżizzjoni lejn Presidenza ġdida ma tirrikjedix li Donald Trump jammetti bilfors it-telfa biex Joe Biden jingħata l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti.

Sadanittant, Donald Trump ma qalx jekk għandux jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza Amerikana fl-2024 jew jekk hu għandux jattendi l-inawgurazzjoni ta’ Joe Biden, f’Jannar.