Lokali

Suspett ta’ tbagħbis fl-elezzjonijiet għall-Kunsill tal-Istudenti fil-Junior College

L-għaqda studenteska SDM qed issegwi mill-qrib il-proċess tal-elezzjoni tal-Kunsill li jinsab għaddew bħalissa biex jeleġġi l-Kunsill li jmiss fil-Junior College.

L-SDM qed jgħidu li sabu diversi każi fejn student li pprova jivvota permezz tal-faċilità online sab li ma setax jagħmel dan għax il-vot tiegħu kien diġà intuża.

Jidher li xi persuni li huma wkoll uffiċjali tal-għaqda PULSE matul il-ġurnata tal-bieraħ ikkuntattjaw għadd ta’ studenti fejn talbuhom jibgħatu screenshot tal-email li fuqha kien hemm il-link uniku għal kull student sabiex ikun jista’ jivvota.

Dan taħt il-premessa li riedu jiċċekkjaw jekk għandhomx kollox sew biex ikunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjoni tal-lum.

Meta wħud minn dawn l-istudenti ppruvaw jivvutaw illum, telgħalhom messaġġ li huma kienu diġà vvutaw.

Skont l-SDM, minn verifiċi li saru nstab li numru dawn il-voti ntefgħu kmieni filgħodu mal-ftuħ tal-votazzjoni.

Il-proċess tal-votazzjoni jibqa’ għaddej sas-6.00pm, madankollu l-SDM qed titlob li jew isiru l-verifiċi kollha elettroniċi sabiex ikunu magħruf min tefa’ dawn il-voti, jew inkella se titlob li din l-elezzjoni tiġi ddikkjarata nulla u terġa ssir mill-ġdid, hekk kif dan il-proċess qed iċaħħad lill-istudenti minn dritt demokratiku.