Lokali Qorti

Tliet Taljani residenti Malta jinqabdu jippruvaw idaħħlu b’€750,000 kannabis fuq lanċa tas-sajd

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat tliet Taljani waqt li kienu qed jippruvaw idaħħlu konsenja ta’ 55kg kannabis fuq lanċa tas-sajd f’Wied il-Għajn

Il-valur fit-triq tad-droga misjuba hija stmata li tlaħħaq is-€750,000.

L-arresti saru wara ġimgħat ta’ investigazzjoni u sorveljanza mill-Pulizija fuq il-movimenti ta’ lanċa tas-sajd.

B’rabta ma’ din is-sejba ġew arrestati tliet irġiel Taljani li għandhom 34 sena, 35 sena u 54 sena u kollha huma residenti Malta.

L-Erbgħa wara nofsinhar, membri tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) iċċirkondaw il-lanċa, li hija rreġistrata Malta, malli din trakkat mal-moll f’Wied il-Għajn. Wieħed mill-persuni abbord, malli lemaħ il-pulizija qabeż il-baħar iżda ġie arrestat mil-lewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa.

Qiegħed jinżamm ukoll mill-pulizija raġel ieħor li kien qiegħed jistenna l-lanca titrakka mal-moll.

Il-55kg droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp, li kienu moħbijin f’partijiet differenti tal-lanċa.

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont zgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina.

Iż-żewġt irġiel ta’ 34 sena u 35 sena, li kienu fuq il-lanċa, se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti llum fl-10.00am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa
Audrey Demicoli.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.