Futbol Internazzjonali Sport

Vjolenza fi Buenos Aires waqt il-korteo ta’ Maradona

Tensjoni u ġlied fi Buenos Aires wara li eluf ta’ akkaniti tal-footbal ma tħallewx jaraw għall-aħħar darba lill-eroj tagħhom – Diego Armando Maradona.

Il-footballer leġġendarju Arġentin miet nhar l-Erbgħa, u għexieren ta’ eluf ta’ fans irnexxielhom jarawh ilbieraħ fil-Belt tal-pajjiż presente catavere qabel ma il-familja tiegħu ħadu ġisem Maradona għad-difna.

Folol kbar Inġabru fi Buenos Aires mgħonija bi brandar bit-tama li jisirqu lemħa tal-aħħar tal-ikona tal-football qabel jindifen. Madankollu f’xi ħin eskalat it-tensjoni fost in-nies li ma setgħux jaraw lil Maradona. Dawn bdew jitfgħu fliexken, bricks u biċċiet tal-ħadid lejn il-Pulizija li minn naħa tagħhom wieġbu lura b’gass tad-dmugħ u balal tal-lastiku.

Kien hawn li l-organizzaturi waqqfu ħesrem il-korteo u Maradona ttieħed lejn iċ-ċimiterju, b’mijiet ta’ karozzi jsuru warajh.

Iċ-ċerimonja tad-difna kienet waħda għal kollox privata u għaliha attendew biss il-membri tal-familja tiegħu u l-aktar ħbieb intimi. Diego Armando Maradona indifen ħdejn ommu Dalma u missieru Diego.

Intant il-President tal-Argentina Alberto Fernandez ħabbar tliet ijiem ta’ luttu Nazzjonali. Huwa ddeskriva lill-footballer bħala ‘Argentina fid-dinja’ u qal li Maradona ta ħafna ferħ lil pajjiżu bil-kisbiet tiegħu.