Lokali Qorti

Żewġ Taljani jinżammu arrestati fuq akkużi ta’ traffikar ta’ 55 kilo droga

Żewġ irġiel Taljani nżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li ġew mixlija b’importazzjoni u traffikar ta’ 55 kilogramma kannabis. Vito Potenza ta’ 34 sena u Antonio Saponara ta’ 35 huma residenti Malta. Huma tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli.

Saponara qal lill-Qorti li huwa jaħdem bħala mastrudaxxa filwaqt li Potenza huwa sajjied. Potenza waħdu kien mixli li assoċja ruħu ma’ persuni oħra f’dawn il-gzejjer bl-iskop li tinbiegħ jew tiġi ttraffikata d-droga u li kien fil-pussess tad-droga kokaina. 

Huma nqabdu mill-Pulizija nhar l-Erbgħa li għaddew f’operazzjoni bejn l-iskwadra ta’ kontra d-droga u l-RIU wara li ċċirkondaw il-lanċa li kienu fuqha u li kienet għadha kemm trakkat ma’ moll f’Wied il-Għajn.

Taljan ieħor ta’ 54 sena kien arrestat u li dan kien qed jistenniehom max-xatt. Huwa għadu qed jiġi nterrogat mill-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Id-droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp moħbija f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur tad-droga misjuba fit-triq ilaħħaq mas-€750,000.

Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont żgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina. Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Dan il-każ issolva wara ġimgħat ta’ investigazzjoni u sorveljanza mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq il-movimenti ta’ lanċa tas-sajd. L-Erbgħa wara nofsinhar, membri tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) iċċirkondaw il-lanċa, li hija rreġistrata Malta.

Malli din trakkat mal-moll f’Wied il-Għajn. Wieħed mill-persuni abbord qabeż il-baħar malli lemaħ il-Pulizija iżda ġie arrestat millewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Steven-Ryan Micallef u Mark-Anthony Mercieca. L-Avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin dehru għall-imputati.