Futbol Sport

Birkirkara jirbħu wara xahar weqfin

(Ritratt: Catriel Farrugia)

George Cassar

Birkirkara  –  3

Gudja United – 0

Birkirkara.: A. Guarnone, C. Attard, K. Zammit, R. Briffa, O. Carniello, C. Bonanni, C. Prado (G. Farrugia 90’), Lecáo (P. Mbong 70’), L. Montebello, F. Falcone

Gudja U.: G. Zammit, J. Grioli, J. Farrugia (T. Gusman 65’), G. Adamovic, J. Bolanos, P. Mota (N. Micallef 65’), L. Cremona, A. Friggieri (D. Camilleri 46’), G. Mensah, Y. Messias, A. Caseres (T. Vella 65’)

Skurjaw: G. Adamovic o.g. 28’, K. Zammit 30’, L. Montebello – pen. 43’ (B)

Imwissija: K. Zammit 12’, O. Carniello 38’ (B), J. Bolanos 42’, J. Farrugia 45’, D. Camilleri 80’ (G)

Referì: A. Johnson

Assistenti referis: E. Spiteri, I. Galea

Il-plejer tal-logħba: C. Prado (B)

Birkirkara skurjaw tliet darbiet fl-ewwel taqsima biex aċċertaw ruħhom kmieni minn rebħa kontra Gudja United wara li kienu ilhom xahar weqfin mil-logħob.

L-aħħar logħba ta’ Birkirkara qabel din tal-bieraħ kienet it-telfa kontra Sliema Wanderers fis-26 ta’ Ottubru. Minn dak iż-żmien ’l hawn numru sinifikanti ta’ plejers Karkariżi ntlaqtu mill-Covid-19 u għalhekk l-iskwadra kollha kellha tmur għal kwarantina mandatorja.

Gudja kienu ġejjin minn żewġ riżultati pożittivi: rebħa kbira kontra Tarxien Rainbows u parità kontra Valletta, u kieku rebħu lil Birkirkara kienu jitilgħu fl-ewwel post ma’ Hibernians u Gżira United. Madankollu l-prestazzjoni kontra Birkirkara ma kinitx fl-istess livell tal-logħbiet preċedenti, b’Yuri Messias jistenbaħ fit-tieni taqsima iżda meta kien diġà tard wisq.

Fit-tmien minuta Birkirkara resqu viċin il-gowl kmieni meta l-korner ta’ Lecàò ħoloq periklu bi tliet konklużjonijiet ta’ Oscar Carniello, Luke Montebello u Claudio Bonanni li kollha ġew imwaqqfin mid-difiża ta’ Gudja u l-gowlkiper Glenn Zammit.

Birkirkara marru fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima meta Patrick Silva Mota tawwal il-ballun f’nofs il-grawnd, insteraq minn Cain Attard li avvanza u ġab f’pożizzjoni tajba lil Federico Falcone. Il-konklużjoni tal-attakkant Arġentin taħbat mal-wieqfa iżda l-ballun ħabat ma’ Goran Adamovic u baqa’ dieħel fix-xibka.

L-Istripes irduppjaw man-nofs siegħa logħob f’azzjoni li bdiet minn korner ta’ Lecào. Oscar Carniello ta l-ballun lura bir-ras u sab lil Kurt Zammit li tefa’ l-ballun ġewwa bir-ras.

Birkirkara għalqu l-ewwel taqsima b’vantaġġ triplu meta r-referì Alex Johnson saffar għal penalty wara li ġġudika li Juan Bolanos waqqa’ lil Caio Prado fil-kaxxa. Luke Montebello skorja l-penalty b’xutt b’saħħtu għar-rokna leminija ta’ Glenn Zammit.

Ftit wara s-siegħa logħob il-kowċ ta’ Gudja Jesmond Zammit wettaq tliet sostituzzjoni bl-għan li jbiddel id-direzzjoni tal-logħba iżda l-konklużjonijiet perikolużi baqgħu ma waslux mingħand Gudja għajr għal waħda ta’ Yuri Messias fis-67 minuta li kien imċaħħad minn bravura tal-gowlkiper Karkariż Alessandro Guarnone.

B’din ir-rebħa konvinċenti Birkirkara bdew fuq sieq tajba s-serje ta’ seba’ logħbiet f’inqas minn xahar li jridu jilagħbu minn issa sal-Milied biex jirkupraw il-partiti li tilfu minħabba l-kwarantina.