Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara li abbuża sesswalment minn uliedu

Missier ġie kundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li abbuża sesswalment miż-żewġt ibniet adolexxenti tiegħu. L-abbuż baqa’ għaddej għal sitt snin, bejn l-2009 u l-2015.

Dan kollu ġie ħareġ fil-beraħ biss fl-2016, meta t-tifla ż-żgħira fetħet qalbha ma’ oħtha. L-oħt imbagħad ammettiet li kienet għaddiet mill-istess sitwazzjoni iżda kienet żammet siekta biex iżżomm il-familja magħquda.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-Qorti, wieġeb li t-tfal bniet tiegħu ħafrulu u għalhekk m’għandux imur il-ħabs. Iżda meta kkonfermat is-sentenza ta’ ħabs fl-appell, l-Imħallef Edwina Grima qalet li l-fatt li ġie maħfur ma jfissirx awtomatikament li l-Qorti kellha tagħti sentenza minima.

Il-Qorti qalet li r-raġel għandu jħallas għal għemilu. Il-Qorti nnutat li r-reati li għalihom kien instab ħati kellhom ħabs effettiv ta’ bejn tlieta u sitt snin u għalhekk is-sentenza tiegħu kienet eqreb għall-minimu.

Hija semgħet kif il-missier ta’ żewġ ulied kien iġiegħel lil uliedu, dak iż-żmien ta’ 12 u 13-il sena biss, jagħtuh pjaċir sesswali. Għal żmien twil, kellhom jissottomettu ruħhom għar-rieda ħażina ta’ missierhom u żammew is-silenzju biex iżommu l-familja stabbli.

It-tifla iż-żgħira xehedet li kollox beda meta talbet permess lil ommha biex tmur għal vjaġġ tal-iskola f’Għawdex. Qaltilha le, u għalhekk marret għand missierha biex tara jekk tistax tieħu l-permess minnu minflok.

Il-missier qalilha li tista’ tmur biss jekk hi twettaq att sesswali fuqu. Hija aċċettat u dan baqa jirrepeti ruħu regolarment, għallinqas darba fix-xahar, it-tifla qalet lill-qorti.

Huwa għamel l-istess meta hi talbet permess biex tattendi ċ-ċentru taż-żgħażagħ tal-parroċċa. F’okkażjoni waħda ħarġet mal-ħbieb u qajmitu meta waslet id-dar, u għalhekk huwa kkastigha billi ġiegħelha twettaq att sesswali.

It-tifla ż-żgħira qalet li tkellmet ma’ oħtha li ammettiet li l-istess kien qed jiġri magħha. Iddeċidew li jgħidu lil ommhom u l-kwistjoni ġiet irrappurtata lill-awtoritajiet.

Ir-raġel ammetta l-azzjonijiet tiegħu meta mistoqsi mill-Pulizija iżda ġġustifikahom billi qal li kien qed jesponi lil uliedu għall-edukazzjoni sesswali.

Il-Qorti nnutat li l-vittmi kienu konsistenti fil-verżjonijiet tagħhom u ma laqgħux it-talba tiegħu li huma kienu vvintaw l-istejjer minħabba l-problemi matrimonjali tal-ġenituri tagħhom.

“Għalkemm huwa veru li t-tfal ħafru lil missierhom għall-abbuż sesswali li sofrew matul tfulithom, il-Qorti ma tistax tinjora r-reati serji fejn l-abbuż twettaq mill-persuna li kellha d-dmir li tieħu ħsiebhom, tedukahom u tipproteġihom. minn esperjenzi koroh bħal dawn f’ħajjithom.

“Għal żmien twil, kellhom jissottomettu ruħhom għar-rieda ħażina ta’ missierhom u żammew siekta biex iżommu l-familja stabbli,” innutat il-Qorti hekk kif ikkonfermat il-piena tal-ħabs.