Futbol Sport

Gowl kull taqsima jagħtu rebħa meritata lil Sirens

(Ritratt: Joe Borg/MFA)

Rowen Camilleri

HIBERNIANS…………1

SIRENS……………….2

Hibernians: M. C. Cremona, F. Apap (Z. Grech 86’), L. Almeida, A. Attard (C. Uzeh 86’), J. Grech (R. Winchester 74’), J. Degabriele (C. Zammit 86’), D. Vella, I. Artilles, A. Agius, W. Texeira (S. Shodija 59’), K. Laukzemis

Sirens: M. Montfort, R. Grech, R. D. Anjos, M. Maia, W. Domoraud, J. Walker, A. Borg, S. Tounkara, T. Agius (R. Scicluna 92’), M. Bustos, T. Espindola

Imwissija: L. Almeida 20’, F. Apap 59’ (H), R. Grech 53’ (S)

Skorjaw: T. Agius 32’, S. Tounkara 76’ (S) K. Laukzemis 91’ (H)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli u James Muscat

Il-Mument Plejer tal-logħba: Terence Agius (Sirens)

BOV Plejer tal-logħba: Terence Agius (Sirens)

Wara d-draw tal-ġimgħa l-oħra kontra Valletta, Sirens ta’ Steve D’ Amato kisbu rebħa importanti, meta huma għelbu lil Hibernians fl-Istadium tagħhom stess bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet bla dubju l-aħjar prestazzjoni għat-tim minn San Pawl il-Baħar li mill-bidu nett urew l-intenzjonijiet tagħhom u kienu tajbin ħafna kemm bil-ballun kif ukoll meta ddefendew biex b’hekk meritatament ħadu tliet punti importanti li jtellawhom fit-12-il post tal-klassifika.

Qabel il-bidu tal-konfront saret preżentazzjoni tal-Plejer tax-Xahar ta’ Settembru u Ottubru lill-attakkant ta’ Hibernians Jurgen Degabriele. L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet wara għaxar minuti minn Hibernians meta x-xutt mil-kaxxa ta’ Jurgen Degabriele spiċċa faċilment f’idejn Miguel Montfort.

Fit-18-il minuta Sirens ħolqu okkażżjoni iżda x-xutt bid-dawra ta’ Espindola għadda ftit għoli. Fis-26 minuta reġgħu kienu Sirens li marru fuq l-attakk u wara li avvanza fuq il-lemin Wilfired Domoraud ra l-konklużżjoni tiegħu tgħaddi barra. Fit-32 minuta Sirens imorru meritatament fil-vantaġġ wara li TERENCE AGIUS inkariga ruħu minn korner, bil-kross tiegħu baqa’ dieħel direttament fir-rokna tax-xibka minkejja t-tentattiv tad-difensuri ta’ Hibernians.

Fit-tieni taqsima Hibernians ħarġu mill-ewwel ifittxu l-gowl tad-draw u wara biss tliet minuti il-corner ta’ Artilles sab lil Texeira li d-daqqa ta’ ras tiegħu stampat mal-mimduda. Fis-57 minuta reġgħu kienu Hibernians fl-attakk b’Jurgen Degabriele niżżel ballun tajjeb lejn Ayton Attard iżda x-xutt mill-ewwel ta’ dan tal-aħħar għadda għoli. Bil-ħin li dejjem kien kontra t-tim immexxi minn Sanderra, fit-63 minuta kien l-attakkant mill-Litwanja Laukzemis li daħal fil-kaxxa u prova xutt li iżda għadda ftit barra. Fil-65 minuta Jurgen Degabriele ttanta xortiħ minn free-kick dirett li ġie mdawwar f’corner b’diffikultà minn Montfort.

Minuta wara Hibernians jingħataw penalty wara li r-referee iġġudika lil Manule Bastos li miss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Sirens daħqitilhom ix-xorti hekk kif mill-11-il metru ix-xutt ta’ Jake Grech stampa mal-wieqfa. Fit-73 minuta free kick perikoluż ta’ Andrei Agius għadda mħakkek mal-lasta biex tliet minuti wara Sirens irduppjaw.

Kien kontrattakk veloċi mill-aħjar plejer tal-logħba Terence Agius li bid-difiża ta’ Hibernians maqbuda qassam lejn SAMBA TOUNKARA li minn quddiem Calleja Cremona ma’ falliex għal 2-0. Kif kien mistenni Sirens marru ftit fid-difiża u fil-91 minuta minn kross tas-sostitut Zachary Grech, l-attakkant KAROLIS LAUKZEMIS bir-ras għeleb lil Montfort għal 2-1 li iżda ma’ kienx biżejjed biex isalva xi ħaġa għat-tim minn Raħal Ġdid hekk kif ir-riżultat baqa’ ma’ nbidilx sat-tmiem.