Futbol Sport

Gżira United jieħdu biss punt wara li fallew penalty fil-ħin mogħti żejjed

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Matteo Grima

Gżira United ……….2

Santa Lucia ………..2

Gżira Utd: J.Haber, G.Bohrer, S.Borg (C), N.Muscat, C.Borg (O.Elouni 86’), D.Xuereb, M.Davies, R.Correa, S.Borg (K.Hamed 46’), A.Samb (J.De Assis 46’), R.Kooh.

Santa Lucia: C.Farrugia, T.Tabone, A.Rodriguez, K.Correia, A.Overend, A.Souza (C) (L.Motta 64’), K.Rosero, V.Prestes, M.Camilleri (A.Vella 80’), R.Tachikawa, K.Xuereb.

Skurjaw: R.Kooh (G), R.Tachikawa (L) A.Souza (L), S.Borg (G)

Imkeċċi: G.Mentz (G)

Referee: Glenn Tonna

Plejer tal-Logħba: Steve Borg

F’partita li fuq il-karta wieħed kien jistenna li Gżira United jieħdu t-tlett punti, Santa Lucia lagħbu daqshom, u f’ħafna mumenti fil-partita, saħansita kienu aħjar minnhom. Steve Borg kellu ċans tad-deheb li jagħti dawn it-3 punti lit-tim tiegħu żda mill-ħdax-il metru, fl-aħħar sekondi tal-partita, spara għoli.

Wara kważi żewġ minuti, Gżira Utd ħasdu lil Santa Lucia meta bl-ewwel azzjoni tagħhom marru fil-vantaġġ meta kross tajjeb fil-kaxxa kien attakkat minn RAPHAEL KOOH li bir-ras tefa’ fix-xibka għal wieħed b’xejn.

Santa Lucia jġibu r-riżultat indaqs immedjatament meta żball fil-qalba difensiva ta’ Gżira Utd ħoloq paniku kbir bil-ballun jispiċċa f’saqajn REI TACHIKAWA li minn quddiem Haber ma żbaljax biex jagħmilhom 1-1

Santa Lucia komplew jattakkaw u wara biss 9 minuti mill goal tad dro marru fil-vantaġġ. Kienet azzjoni mill-isbaħ b’diversi passaġġi wara ħarba sabiħa ta’ Ante Rosero, bil-ballun finalment jaqa’ f’saqajn ALAN DA SILVA SOUZA li b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa jegħleb lil Haber għat-tieni darba.

Gżira Utd kienu ferm diżappuntanti fl-ewwel 45 minuta, madankollu rajna azzjoni rari u ferm perikoluża fl-aħħar minuti tat-taqsima meta minn azzjoni ta’ korner li kien mogħti minn Muscat kien Kooh li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu ferm viċin għad-dopjetta personali. L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima kienet għal Gżira meta minn korner tas-solitu Muscat, il-ballun qabeż lil Farrugia u ħabat ma’ Kooh li minn quddiem ix-xibka ma’ kienx ippreparat biex jikkonkludi, bil-ballun jispiċċa għoli mil-wieqfa.

Gżira komplew fuq il-mument pożittiv tagħhom meta mas-siegħa logħob, Xuereb tefa’ kross mill-isbaħ fil-kaxxa li kien attakkat minn De Assis, bil-ballun jispiċċa jħakkek mal-wieqfa. Fl-74 minuta, Kooh twaqqa’ fil-kaxxa, b’Tonna jipponta għal penalty. Mill-ħdax il-metru nkariga ruħu STEVE BORG li ra liż-żagħżugħ Farrugia jwettaq save tajjeb iżda l-ballun jerġa’ jiġi f’ saqajn Borg li din id-darba ma jiżbaljax u jagħmel l-iskor 2-2.

Lejn l-aħħar 10 minuti tal-partita, Kone beda azzjoni tajba fejn bi kross mill-isbaħ sab lil Davies li minn ġol-kaxxa spara għoli. Fid-90 minuta, Ments wettaq fawl ieħor, bir-referee jurih it-tieni karta safra, għal tkeċċija. Fil-ħin mogħti żejjed, Tonna ordna Penalty ieħor għal Gżira United wara li kien hemm xi imbuttatura fil-kaxxa. Mill-ħdax il-metru reġa’ inkariga ruħu Borg li l-eċitament  għamel bih bix-xutt jispiċċa pjuttost għoli.