Knisja Lokali

“Importanti li l-fjamma tal-fidi fi Kristu tibqa’ tixgħel fil-qlub tagħna” – il-Kardinal Elett Mario Grech

X’se jiġri llum?

Fil-Belt tal-Vatikan il-Papa Franġisku se jkun qed jaħtar lit-13-il Kardinali-Eletti, fosthom lil dak Għawdxi, l-E.T Mario Grech. Il-Kardinal Elett Malti se jkun qed jindirizza lill-Papa hu stess f’isem il-Kardinali kollha.

Dan il-privileġġ ġie fdat f’idejn l-Isqof Grech minħabba l-fatt li fil-25 ta’ Ottubru li għadda, meta l-Papa ħabbar l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda, l-isem ta’ Mons. Mario Grech kien l-ewwel li ssemma fil-lista ta’ 13-il Kardinal-Elett.

Il-Papa jiftaħ il-Konċistorju billi jagħti merħba lill-Kardinali-Eletti, jagħmel talba, u jsir il-qari tal-Vanġelu minn Mark 10, 32-35.

Anki fil-mument tal-ħatra l-Isqof Mario Grech l-ewwel wieħed li jinħatar uffiċjalment Kardinal. Il-Papa jaqra l-formula tal-ħatra, isemmihom wieħed wieħed, u jħabbar dawk li huma msejħa l-Ordni Presbiterali jew Djakonali li se jkunu assenjati lil kull wieħed. Imbagħad, il-Kardinali, wieħed wara l-ieħor, jagħmlu l-professjoni tal-fidi u jieħdu l-ġurament.

Il-Kardinali, imbagħad, jersqu wieħed wara l-ieħor quddiem il-Papa. Il-Papa jlibbishom il-beritta kardinalizja u jagħtihom iċ-ċurkett kardinalizju.

Kif jitilgħu t-tlettax, il-Papa jħabbar it-titlu jew id-djakonija tal-Knisja f’Ruma li se jkunu ngħataw; jagħti l-Bolla tal-ħatra lil kull kardinal, tingħata l-paċi u, fit-tmiem, titkanta l-Missierna.

Il-Ħadd li ġej, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, il-Papa jikkonċelebra mal-Kardinali fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Dalgħodu fuq Facebook u permezz tal-istampa, Mario Grech wassal messaġġ lill-poplu fejn fost l-oħrajn appella biex il-poplu Malti u Għawdxi jżomm il-fidi ta’ fi Kristu, anki f’dan iż-żmien diffiċli.

Tista’ ssegwi l-messaġġ hawnhekk:

“Għeżież ħuti Għawdxin u Maltin,

Nistqarr magħkom li bqajt ftit imsaħħar bir-reazzjoni ta’ ġensna għat-tħabbira li għamel il-Papa Franġisku meta qal li ser iseħibni fil-Kulleġġ tal-Kardinali tal-Knisja. Smajt mhux ftit jgħidu li bkew bil-ferħ meta fuq fomm il-Papa semgħu l-isem ta’ wieħed minn ħuthom! Nistħajjel li dakinhar l-għajta ta’ Franġisku dwiet fil-qalb ta’ ħafna u l-eku tagħha li nfirex fid-djar, fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-isptarijiet, fit-toroq u l-bqija nissel il-faraġ u t-tama. Ħafna ħassew sens ta’ sodisfazzjon għax ladarba l-Papa ftakar fina wkoll waqt li kien qed jaħseb dwar “konċistorju”, li huwa l-ogħla organu fil-Knisja li miegħu jikkonsulta, ifisser li, minkejja ċ-ċokon tagħna, jaf bina u jġibna!

Qed ngħid dan mhux bi ftaħir imma b’sens ta’ apprezzament għall-ħafna tajjeb li għandna kemm bħala Knisja u kemm bħala pajjiż; b’sens ta’ rikonoxximent lejn dawk ta’ qabilna, fil-Knisja u fis-soċjetà ċivili; u b’sens ta’ responsabbiltà għalina biex nieħdu ħsieb inkattru t-tajjeb li għandna filwaqt li nnaqqu l-ħaxix ħażin li jitfaċċa maż-żmien.

Il-fewġa friska li ġiet fuqna ma’ din l-aħbar tfisser li fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin il-Knisja għadha tagħmel ħoss. Il-Knisja, minkejja d-difetti u l-iżbalji, għad għandha l-għeruq fil-qalb ta’ ġensna. Is-sinjali juru li l-Knisja fadlilha post f’nofsna. Kieku żmienha għadda, kieku fostna ħa jkun hemm daqshekk nies li nhar ta’ Ħadd f’nofsinhar isegwu fuq it-televiżjoni l-messaġġ tal-Papa u jitolbu l-Angelus miegħu? Kieku l-Knisja ma għadhiex relevanti għall-Maltin u l-Għawdxin, kieku se jkun hawn dan l-interess fl-għażliet li jagħmel il-Papa?

Naturalment hemm “mudell” ta’ Knisja u stil ta’ ħajja ekkleżjali li għadda żmienhom; huwa veru wkoll li jekk ma noqogħdux attenti kliemna jaf jaqa’ fuq widnejn torox. Imma meta niġu għas-sugu, il-poplu jaf jesprimi x’inhi l-fidi tiegħu. Kif jikteb il-Papa Franġisku, il-poplu ta’ Alla “meta jemmen ma jiżbaljax, anki jekk ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu” (EG, 119).

Importanti għalhekk li l-fjamma tal-fidi fi Kristu tibqa’ tixgħel fil-qlub tagħna u fil-familji tagħna. Ir-reazzjoni li ġiet innutata fil-jiem li għaddew hija indikatur ċar li Kristu għadu jgħammar magħna. Imqar jekk nixtiequ li tbatti xi ftit il-qasma bejn it-twemmin u l-ħajja prattika, li s-sehem tagħna fil-ħajja liturġika jissaħħaħ fin-numru u l-kwalità, nemmen li Kristu għadu jqajjem fina l-mistoqsijiet kruċjali. Nemmen li anki dawk fostna li telgħu fil-Knisja imma issa “telquha”, għadhom ma telqux lil Ġesù. Ngħid dan għax anki persuni ta’ din ix-xorta wrew l-apprezzament tagħhom għal din il-ġrajja.

Bħala appoġġ għall-fidi Nisranija, inħeġġiġkom tagħtu widen għal ħuti l-Isqfijiet tagħkom. L-għaqda mal-isqfijiet hija garanzija biex ma niżbaljawx meta rridu nagħrfu dak li l-Ispirtu jrid jgħid lill-Knejjes miġbura f’Malta u Għawdex. Fi kliem il-Papa Franġisku, “l-importanti hu li ma nimxux waħidna, li nserrħu dejjem fuq ħutna u speċjalment fuq id-dawl li jagħtuna l-Isqfijiet, f’dixxerniment pastorali għaref u realistiku” (EG, 33).

Nixtieq li l-ispirtu pożittiv li nħass f’dawn il-jiem jinbidel f’talba għalija biex fid-dgħufija tiegħi nkun għodda tajba. Il-kelma “kardinal” ġejja mill-kelma cardine li tfisser ‘pern’ li fuqu jdur kollox. Għalhekk jien ġejt imsejjaħ biex fl-uffiċċju tiegħi bħala kardinal ngħin lill-Knisja tkun dan il-pern billi tkompli tgħin lill-bnedmin jidħlu f’relazzjoni ma’ Ġesù Kristu li huwa l-fus prinċipali li fuqu sserraħ il-ħajja tagħna individwalment u kollettivament. Jien konvint li jekk Kristu jkun iċ-ċentru tal-ħajja, imbagħad iseħħu riformi kbar; imma ebda riforma ma tista’ titwettaq (fil-ħajja personali, familjari, soċjali, politika, ekonomika u ekkleżjali) jekk dan il-fus ikun nieqes.

Dan huwa li nixtiqilkom, ħuti Għawdxin u Maltin. Bl-interċessjoni ta’ San Pawl Missierna li qabbadna l-mixja wara Ġesù, u tal-Madonna Ta’ Pinu li bl-imħabba materna tagħha tweżinna biex immiddu passi ċkejknin fit-triq tad-dixxipulat, nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.”

Il-Belt tal-Vatikan, 28 ta’ Novembru 2020