Lokali

“Irridu naraw ekonomija iktar ġusta u bilanċjata”

“L-ekonomija mingħajr ruħ hi ekonomija li fl-aħħar mill-aħħar toqtolna.”

Hekk stqarr il-President tal-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ġustizzja u l-Paċi, Daniel Darmanin tul il-programm Net Live ppreżentat minn Robert Cremona meta tkellem dwar l-istudju riċenti li sar dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna bl-isem ta’ ‘Beyond GDP’. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-Gvern jieħu dan id-dokument b’serjetà liema bħalha.

“In-nies li huma fil-faqar baqgħu hemmhekk, id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur baqa’ jiżdied, u anke tara l-effett ta’ dan it-tkabbir fuq l-ambjent u l-mod kif ngħixu. Il-mistoqsija hi waħda: it-tkabbir ekonomiku qed ikollu prezz fuq il-kwalità ta’ ħajja tagħna bħala soċjetà?”

L-Ekonomista JP Fabri, li kien wieħed mill-persuni li fassal dan ir-rapport qal li dawn ir-rakomandazzjonijiet ma jibqgħux biss fuq il-karta iżda jidħlu fis-seħħ. Filfatt, hu qal li dan għadu biss il-bidu ta’ dan id-dokument.

“L-ewwel għan aħħari ta’ dan il-proġett hu li nibdew għall-inqas diskussjoni nazzjonali … Il-pass li jmiss hu li anke aħna nibdew nitkellmu mal-imsieħba soċjali biex nieħdu idea wkoll tagħhom ta’ x’inhu l-ħsieb tagħhom.”

Fabri qal li din hi sejħa għal diskussjoni mal-politiċi biex ma nħarsux lejn l-ekonomija bħala sempliċiment flus iżda wkoll b’mod iktar ħolistiku.

“Minn dan id-dibattitu tajjeb naslu illi jkolna frame-work nazzjonali ta’ kif nħarsu li jkun maqbul mill-imsieħba soċjali kif inħarsu lejn il-kwalità tal-ħajja, imbagħad nibdew nimplimentawh fil-politika tal-Gvern.”