Futbol Sport

Parità polemikuża għal Liverpool b’Man City iġibu fix-xejn lil Burnley

(Ritratt: EPA)

Penalty diskutibbli u ferm kontroversjali skurjat minn Pascal Gross fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima salva dro mistħoqq għal Brighton and Hove Albion fil-konfront ma’ Liverpool fl-Amex Stadium.

Il-penalty ingħata wara li Danny Welbeck daħal fil-kaxxa tar-Reds fost l-isfida tad-difensur Andy Robertson — li spiċċa jolqot lill-attakkant ta’ Brighton b’daqqa ta’ sieq u bir-riżultat li r-referi, Stuart Attwell, ipponta lejn il-ħdax-il metru wara konsultazzjoni mal-VAR.

Sekondi wara, GROSS għeleb lill-gowlkiper Alisson b’xutt qawwi u ċentrali mill-penalty spot u wara l-logħba diversi plejers tar-Reds – flimkien mal-manager Jurgen Klopp — dehru jipprotestaw bl-aħrax mal-uffiċjali tal-logħba, għalkemm Klopp, wara, ammetta li d-deċiżjoni kienet tajba.
Fl-ewwel taqsima, Brighton kellhom penalty ieħor, b’Neal Maupay jinkariga ruħu minnu u fejn spiċċa jfalli l-bersall bi ftit. Il-logħba ftit ipproduċiet ċansijiet quddiem iż-żewġ lasti iżda fis-60 minuta, Diogo JOTA irċieva mingħand Mo Salah u qabeż żewġ difensuri qabel għeleb lil Matt Ryan b’xutt fil-baxx – b’dan il-vantaġġ idum sal-aħħar sekondi, meta l-logħba daret fuq l-azzjoni ta’ Welbeck. Id-draw ifisser li Liverpool huma kmandi tal-Premier League, b’vantaġġ ta’ punt fuq Tottenham Hotspur li huma impenjati llum fid-derby ta’ Londra ma’ Chelsea.

Manchester City kisbu rebħa netta, 5-0, fuq Burnley fl-Etihad Stadium, bil-logħba ftit ikollha storja, bħalma jindika r-riżultat finali.
Is-Citizens irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 3-0 sal-mistrieħ b’gowls mill-Alġerin, Riyad MAHREZ u Benjamin MENDY. Ir-reazzjoni ta’ Burnley ma seħħitx u fit-tieni taqsima, it-tim ta’ Pepe Guardiola żied aktar gowls b’Mahrez jgħaqqad hat-trick personali u bl-aħħar gowl jasal minn Ferran TORRES u li kien ukoll l-ewwel wieħed għall-attakkant Spanjol fil-Premier League.


Leeds United irritornaw għar-rebħ, 1-0, kontra Everton, f’Goodison Park bil-gowl importanti jasal għaxar minuti mit-tmiem meta RAPHINHA irċieva mingħand Jack Harrison u għeleb lill-gowlkiper Pickford b’xutt fil-baxx għar-rokna. B’din ir-rebħa Leeds telgħu fil-ħdax-il post tal-klassifika tal-Premier League fuq 14-il punt – li hu l-istess punteġġ ta’ erba’ klabbs oħra li huma separati biss bid-differenza ta’ gowls.

West Bromwich Albion kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Sheffield United 1-0. L-unika gowl tal-partita wasal fit-13 -il minuta b’konklużjoni minbarra l-kaxxa ta’ CONOR GALLACHER.

PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ
: C. Palace v Newcastle 0-2 Illum: Brighton v Liverpool 1-1, Man City v Burnley 5-0, Everton v Leeds 1-1, West Brom v Sheff. Utd 1-0 Għada: Southampton v Man Utd 3.00pm, Chelsea v Tottenham 5.30pm, Arsenal v Wolves 8.15pm It-Tnejn: Leicester v Fulham 6.30pm, West Ham v Aston Villa 9.00pm