Lokali

Prostesta kontra n-nuqqas ta’ tagħrif dwar il-COVID

Is-Sibt saret protesta minn Natural Health Community u Human Health Alliance biex in-nies jingħataw spjegazzjoni xjentifika dwar l-ilbies tal-maskri u s-sigurtà tat-tilqim.

Fil-protesta, li saret fi Pjazza Tritoni, intqal li fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti tal-Coronavirus qed jinnotaw li d-drittijiet fundamentali, il-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-pazjenti u l-familji qed jiġu injorati mill-Awtoritajiet.

Il-protest ġudizzjarju li ġie ppreżentat ġimagħtejn ilu mill-istess għaqdiet jikkritika l-immaġinjar tal-kriżi, liema protest hu bbażat fuq argument dwar id-dikjarazzjoni ta’ Great Barrington u ffirmata minn kważi 50,000 tabib u xjentist mediku u tas-saħħa pubblika.

Fost it-talbiet li saru kien hemm li jingħataw spjegazzjoni ċara għaliex il-maskri għandhom jintlibsu anke meta persuna tkun weħidha, bħal postijiet fil-kampanja jew ħdejn il-baħar, meta r-rakkomandazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa hi li l-pubbliku għandu jilbes il-maskra meta jkun hdejn persuni oħra u ma jistax iżomm id-distanza soċjali.