Lokali

Raġel arrestat u ieħor imfittex mill-Pulizija wara qabda droga

Raġel ta’ 43 sena mit-Togo, li joqgħodu Birżebbuġa, qiegħed jinżamm arrestat wara li pprova jaħrab mill-pulizija, meta allegatament kien fil-pussess ta’ droga.

Il-Ġimgħa filgħaxija, f’xi d-disgħa neqsin kwart (2045hrs), waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu pulizija tar-Rapid Intervention Unit, fl-akwati ta’ Triq is-Sajjieda, il-Marsa, innutaw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż. Malli l-pulizija avviċinawhom, wieħed mill-irġiel waddab fl-art borża tal-plastik u ħarbu f’direzzjonijiet differenti.

Il-pulizija ġabru l-borża u telqu jiġru wara ż-żewġt irġiel. Wieħed minnhom ġie arrestat fi Triq il-Marsa, il-Marsa u ttieħed l-Għassa tal-Ħamrun.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-persuna arrestata allegatament kienet fil-pussess tal-borza tal-plastik u li fiha kien hemm seba’ pakketti żgħar b’sustanza, allegatament droga cannabis. Fil-pussess tiegħu nstab ukoll pakkett bi droga, suspettata kokaina.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, waqt li għaddejja tfittxija għall-persuna l-oħra.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.