Knisja Lokali

SEGWI: L-Isqof Mario Grech jinħatar Kardinal

Fil-Belt tal-Vatikan, il-Papa Franġisku s-Sibt ħatar lit-13-il Kardinal gdid, fosthom lil dak Għawdxi, l-E.T Mario Grech.

Il-Kardinal Elett Malti indirizza lill-Papa hu stess f’isem il-Kardinali kollha.

Dan il-privileġġ ġie fdat f’idejn l-Isqof Grech minħabba l-fatt li fil-25 ta’ Ottubru li għadda, meta l-Papa ħabbar l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda, l-isem ta’ Mons. Mario Grech kien l-ewwel li ssemma fil-lista ta’ 13-il Kardinal-Elett.

Il-Papa fetaħ il-Konċistorju billi ta merħba lill-Kardinali-Eletti, għamel talba, u qara l–Vanġelu minn SMark 10, 32-35.

Anki fil-mument tal-ħatra, l-Isqof Mario Grech kien l-ewwel wieħed li inħatar uffiċjalment Kardinal. Il-Papa qara l-formula tal-ħatra, semmihom wieħed wieħed, u ħabbar dawk li huma msejħa l-Ordni Presbiterali jew Djakonali li se jkunu assenjati lil kull wieħed.

Imbagħad, il-Kardinali, wieħed wara l-ieħor, għamlu l-professjoni tal-fidi u ħadu l-ġurament.

Il-Kardinali, imbagħad, resqu wieħed wara l-ieħor quddiem il-Papa. Il-Papa libbishom l-beritta kardinalizja ħamra u tahom iċ-ċurkett kardinalizju.L-użu tal-kulur aħmar huwa simbolu tar-rieda tal-kardinali li għandhom ikunu lesti li jxerdu demmhom għall-Knisja.

Kif telgħu t-tlettax, il-Papa ħabbar it-titlu jew id-djakonija tal-Knisja f’Ruma li jinngħataw… b’Monsinjur Mario Grech jingħata il-Bażilika Djakonali ta’ San Kożma u Damjan f’Ruma ; ta l-Bolla tal-ħatra lil kull kardinal, ta l-paċi u, fit-tmiem, ingħatat l-Missierna.