Coronavirus Internazzjonali Saħħa

“Stennija sal-Għid biex il-ħajja tibda tirritorna ftit għan-normal”

Jekk il-vaccin tal-Covid jibda jingħata lin-nies fl-aħħar ta’ Jannar, xorta jrid ikun hemm stennija sa żmien l-Għid biex il-ħajja tibda tirritorna xi ftit għan-normal.

Dan qed jgħiduh uffiċjali għolja tas-saħħa fir-Renju Unit, hekk kif il-pajjiż qed jippjana li jżomm ir-restrizzjonijiet sa April.

L-estensjoni tal-miżuri restrittivi se jmorru għal votazzjoni fil-House of Commons….bil-Ministru Michael Gove iwissi li jekk il-Parlament ma jappoġjax dawn ir-restrizzjonijiet, jaf ikun hemm kriżi bla preċedent fl-isptarijiet.

L-Ingilterra hi fil-lista ta’ nurmu ta’ pajjiżi li bħalissa qed jiżviluppaw tilqima għal kontra l-Coronavirus – testijiet li qed juru sinjali inkoraġġanti immens.

Infatti dwar il-vaċċin li qed isir fl-Ingilterra, dak ta’ Oxford u AstraZeneca s’issa għad hemm biss stqarrija għall-istampa… bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Sahha qalet li dan mhux biżżejjed biex l-Organizzazzjoni teżamina r-riżultati tat-testijiet. Filfatt, id-WHO qalet li hemm bżonn l-informazzjoni sħiħa biex jevalwaw il-vaċċin u fl-aħħar mill-aħħar ikun iddikjarat sigur biex jibda jitqassam.

Intant, sakemm id-dinja tkompli tistenna għall-vaċċin kontra din il-pandemija, l-Ingilterra ħadet id-deċiżjoni li tqassam il-pilloli tal-Vitamina D b’xejn lil madwar 2.5 miljun persuna li fil-maġġoranza tagħhom huma vulnerabbli hekk kif l-Ewropa se tibda dieħla fl-istaġun kiefer tax-xitwa. Dan biex b’hekk il-ġisem ikun iktar b’saħħtu biex jiġġieled il-virus.