Internazzjonali

Awstralja: L-aktar lejl sħun ta’ Novembru fl-istorja ta’ Sydney

Il-belt ta’ Sydney irreġistrat l-aktar lejl sħun, għax-xahar ta’ Novembru,  minn mindu bdew jinżammu r-rekords. Dan meta t-temperaturi fil-belt laħħqu mal-40 gradi Celsius matul il-ġurnata – bit-temperatura minima, matul il-lejl, tkun irreġistrata mal-25 grad Celsius.

Il-mewġa tas-sħana sussegwenti ġiegħlet lill-Istat biex joħroġ direttivi biex ma ssir l-ebda attività li tippermetti li jitqabbdu n- nirien fil-miftuħ – dejjem bil-ħsieb li jevitaw ‘sitwazzjonijiet katastrofiċi’. Id-direttiva hi valida għall-ibnadi tal-lvant u l-grigal ta’ New South Wales.

Intant, l-iskwadri għal kontra n-nirien, bħalissa, qed jippruvaw jikkontrollaw l-għexieren tan-nirien qalb il-foresti u l-art aħrax fi New South Wales, bit-temperaturi tas-sħana qed jirrankaw ukoll fi bnadi oħra tal-Awstralja.