Internazzjonali

Belarus: Lukashenko jindika li jista’ iwarrab mill-poter

Il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, indika li kapaċi jitlaq mill-poter. Dan wara xhur ta’ protesti kontra l-President li qed ikun akkużat dwar manipulazzjoni tal-elezzjoni tas-sajf li għadda li tagħtu mandat ieħor tat-tmexxija.

Lukashenko – li ilu jmexxi pajjiżu għal 26 sena – qal li hu favur li tinbidel il-Kostituzzjoni tal-Belarus, bil-għan li jonqos drastikament ir-rwol ta’ kwalunkwe President futur. Hu qal ukoll li ‘mhux se jkun President’ ladarba r-riforma sseħħ, iżda ma ffissax data partikulari għal meta ‘jista’ jitlaq’.

Fl-aħħar jiem, ir-Russja – li ilha s-snin tappoġġja lil Lukashenko – ħeġġitu mill-ġdid biex ikompli għaddej bir-riforma. Il-messaġġ wasal lill-President tal-Belarus mingħand il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, waqt żjara fil-kapitali, Minsk.

Intant, il-kapijiet tal-Oppożizzjoni fil-Belarus qalu li l-aħħar kummenti ta’ Lukashenko huma biss ‘kliem intiż biex iqarraq’. Huma jemmnu li l-President ‘sempliċiment qed jilgħab għaż-żmien’ u meta Lukashenko ilu l-ġimgħat taħt pressjoni biex jirriżenja immedjatament mill-Presidenza.

Fl-aħħar xhur, numru ta’ kapijiet tal-Oppożizzjoni spiċċaw arrestati jew sfurzati li jgħixu f’eżilju – bil-pulizija tar-reġim ta’ Lukashenko qed jiffaċċjaw akkużi dwar brutalità fuq id-dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra r-riżultat elettorali (ta’ Awwissu) f’Minsk u bliet oħra tal-pajjiż.