Tottenham Hotspur irritornaw fil-quċċata tal-Premier Ingliż minkejja li kellhom jikkuntentaw biss bi dro, 0-0, fid-derby ta’ Londra ma’ Chelsea fi Stamford Bridge.
Il-konfront – minkejja li nieqes mill-gowls – kien ferm kumbattut bejn tnejn mill-aktar tims li qegħdin juru forma tajba fil-kampjonat u r-riżultat ifisser li Spurs, issa, għandhom l-istess punteġġ daqs Liverpool f’ras il-klassifika, iżda b’differenza ta’gowls superjuri. Intant, Chelsea jinsabu t-tielet fil-Premier League, bi żvantaġġ ta’ żewġ punti ma’ dawn iż-żewġ tims.
Din il-logħba kienet l-1,000 waħda għal Chelsea mindu l-klabb inxtara mill-biljunarju Russu, Roman Abramovich – bil-manager ta’ Spurs, Jose Mourinho, jagħmel ritorn mistenni fi Stamford Bridge kontra l-eks tim tiegħu.
Tottenham marru viċin li jiżblukkaw ir-riżultat b’xutt ta’ Serge Aurier waqt li, f’azzjoni oħra, Steven Bergwijn xeħet għoli minn pożizzjoni ideali. Tard fit-tieni taqsima, l-aħjar ċans tal-logħba wasal f’saqajn il-plejer ta’ Chelsea, Mason Mount li ra l-gowlkiper Hugo Lloris iwettaq save stupend — bil-ballun jispiċċa għal korner li kien innewtralizzat mid-difensuri ta’ Spurs. Manchester United issuperaw żvantaġġ doppju ma’ Southampton f’St Mary’s Stadium biex fl-aħħarnett kisbu rebħa meritata f’logħba mill-aktar eċċitanti li produċiet xejn anqas minn ħames gowls.
L-eroj ta’ United kien l-attakkant Urugwen, Edinson Cavani, li daħal jilgħab bħala sostitut fit-tieni taqsima minflok Mason Greenwood, li kien tilef żewġ ċansijiet tajbin għar-Red Devils fl-ewwel taqsima – u bis-Saints jagħlqu l-ewwel 45 minuta b’vantaġġ ta’ 2-0; it-tnejn fuq ‘set-pieces’. L-ewwel gowl għal Southampton wasal fit-23 minuta meta, minn korner ta’ James Ward-Prowse, Jan BEDNAREK xeħet ġewwa bir-ras, bil-gowlkiper David de Gea iħares. Għaxar minuti wara kien imiss lil WARD-PROWSE li jirdoppja bi ġmiel ta’ freekick, b’de Gea ikompli l-ballun għal ġewwa.
Fit-tieni taqsima, Dean Henderson daħal jilgħab minflok de Gea li weġġa fl-azzjoni tat-tieni gowl – u minn dak il-ħin Manchester United dehru tim mibdul, b’Cavani (59) isib lil Bruno FERNANDEZ li dar fil-kaxxa u naqqas id-distakk b’xutt fil-baxx li għeleb għal kollox lil Alex McCarthy. Il-gowl ta nifs lil United, b’CAVANI ikun ta’ theddida kontinwa għad-difiża tas-Saints u kwarta mit-tmiem, l-attakkant veteran għamilhom 2-2 b’diving header fuq azzjoni mibdija minn Fernandez.
Is-Saints ippruvaw jirreaġġixxu, b’United ukoll jagħfsu għall-gowl deċiżiv u bir-Red Devils jieħdu r-raġun fil-ħin miżjud meta minn cross ta’ Marcus Rashford, CAVANI xellef il-ballun ġewwa bir-ras, fost il-ferħ ta’ sħabu.
It-rebħa 3-2 hi wkoll sinifikattiva għaliex Manchester United, għall-ewwel darba, irnexxielhom jirreġistraw tmien rebħiet konsekuttivi fl-ogħla kampjonat Ingliż – u issa qegħdin jidhru f’pożizzjoni tajba biex jisfidaw bis-serjetà għat-Top Four tal-Premier League.
Arsenal sfaw megħluba minn Wolves 2-1 permezz ta’ gowls ta’ PEDRO NETO u DANIEL PODENCE filwaqt li GABRIEL MAGALHAES għal Gunners.
//= $special ?>