Lokali

Għada eżebit fil-Qorti l-materjal fil-mobile ta’ Fenech

Il-każ ta’ Yorgen Fenech fil-Qorti – iffaċċjat bl-akkuża ta’ kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – mistenni jieħu żvolta fil-jiem li ġejjin, hekk kif mistennija tkun ippreżentata xhieda li ħarġet mill-mobile phone u minn apparat ieħor tal-akkużat.

Dan hekk kif it-Tnejn mistennija jibdew jixhdu Uffiċjali tal-Europol, li s’issa għad għandhom l-apparat elettroniku ta’ Yorgen Fenech f’idejhom għall-istħarriġ. Issa, dawn mistennija jintalbu jippreżentaw lill-Qorti bl-informazzjoni li kisbu.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew diġà sar magħruf li Yorgen Fenech kellu eluf ta’ messaġġi fuq Whatsapp biss li kienu jinvolvu lil persuni ta’ fiduċja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat fi ħdan il-Gvern u l-Partit Laburista. Dawn kienu ntbagħtu fl-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet, meta kien diġà magħruf li Fenech hu sid il-kumpanija 17 Black.

Fost l-oħrajn, kienu ssemmew chats ma’ membri fil-Kabinett attwali, filwaqt li l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri kien magħruf bħala wieħed li lest jaqbeż fin-nar biex jiddefendi lil Yorgen Fenech.

Bħal dan iż-żmien sena ilu, ir-rabta mill-qrib ta’ Yorgen Fenech u l-Gvern ta’ Muscat kienet wasslet għal kriżi politika u r-riżenja tal-Prim Ministru.
Bħal dawn il-jiem ukoll, laqgħat twal tal-Kabinett kienu jżommu lill-pajjiż kollu fuq ix-xwiek … fost inċertezza kbira.

Minbarra fir-riżenja ta’ Muscat minn Prim Ministru, f’dawk il-jiem kien irriżenja wkoll Keith Schembri minn Chief of Staff f’Kastilja u Konrad Mizzi minn Ministru, li flimkien ma’ Schembri kien sar magħruf li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama.

Min-naħa tiegħu, il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech kienet ġiet irreġistrata f’Dubaj biex minnha jingħaddu 5,000 ewro kuljum lill-kumpaniji sigrieti ta’ Schembri u Mizzi.