Lokali

Il-Gvern Malti bl-aktar Permessi ta’ Residenza fl-UE

Il-Gvern Malti hu l-aktar wieħed – fost il-Gvernijiet tal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea – li ta Permessi ta’ Residenza per capita lil ċittadini li ma jkunux ġejjin mill-Unjoni.

Dan ħareġ minn stħarriġ magħmul mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika (Eurostat), li wera kif fl-2019 biss, il-Gvern Malti ħareġ 42 Permess ta’ Residenza għal kull 1,000 persuna lil ċittadini minn pajjiżi terzi.

Dan jikkuntrasta sew mal-medja fost l-Istati Membri, li kienet ta’ 7 biss għal kull 1,000 persuna.

L-istatistika tal-Eurostat turi li – mill-21,165 Permess ta’ Residenza maħruġa mill-Gvern Malti għal ċittadini minn pajjiżi terzi – l-aktar kienu Indjani, li ammontaw għal 14%.

Fit-tieni post kienu r-residenti Serbi (8.7%), il-Filippini (8.4%), in-Nepaliżi (7%) u ċ-Ċiniżi (5.8%).

Wara l-Gvern Malti, l-aktar żewġ Gvernijiet Ewropej li ħarġu Permessi ta’ Residenza fl-2019 lil ċittadini li mhux ġejjin mill-Unjoni Ewropea kienu Ċipru u l-Polonja.