Il-Kampjonat Premier jitkompla llum b’erba’ partiti oħra mid-disa’ ġurnata u ma jistax jonqos li l-programmi Replay tal-lejla l-Ħadd; ‘Replay Live Score’ li jixxandar fis-6:45pm u l-programm ta’ diskussjoni ‘Replay’ li jibda fid-8:45pm fuq Net Television, ma jagħtux attenzjoni lit-tmien partiti li jkunu ntlagħbu bejn il-bieraħ u llum. L-ewwel parti tal-programmi Replay tal-Ħadd, tixxandar eżatt qabel Net News tas-7:30pm, fejn f’ħin ta’ ftit aktar minn 30 minuta, id-dilettanti tal-futbol domestiku għandhom il-lussu li jsegwu l-gowls kollha sa dak il-ħin, mill-Kampjonat Premier, National Challenge League, National Amateur League, iż-żewġ diviżjonijiet f’Għawdex, kif ukoll il-partiti ewlenin mill-Premier League fl-Ingilterra u s-Serie A fl-Italja.
Il-mudell ta’ Replay Live Score hu mfassal fuq stil ta’ programm qasir, informattiv u mexxej, biex f’ħin qasir u konċiż, u qabel l-aħbarijiet sportivi ta’ filgħaxija, id-dilettanti tal-futbol domestiku ikollhom iċ-ċans jaraw l-azzjonijiet kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, mingħajr diskussjoni u analiżi iżda sempliċiment bħala kronaka. Id-diskussjoni u l-analiżi dwar il-partiti, kif ukoll dwar temi oħra ta’ interess marbuta mal-logħba tal-futbol f’Malta, tinżamm fil-programm ta’ filgħaxija, Replay, li jibda fid-8:45pm fuq Net Television. Iż-żewġ programmi huma mmexxija minn Christian Micallef, u f’dak ta’ filgħaxija, ikun hemm il-parteċipazzjoni tal-mistieden residenti u opinjonista popolari, Konrad Sultana. Illejla, flimkien ma’ Sultana, il-mistieden fl-istudio ta’ Replay se jkun Victor Cassar, membru tal-Kunsill tal-MFA għan-nom ta’ Ħamrun Spartans, kif ukoll membru fl-eżekuttiv tal-MFA.
F’Replay tal-lejla, se jerġa’ jkun hemm tislima, iżda b’mod differenti, għal Diego Armando Maradona, li miet nhar l-Erbgħa li għadda. Illejla, Replay se jkun qed jitkellem ma’ żewġ personalitajiet barranin li kellhom rabta diretta mal-eks plejer internazzjonali Arġentin. Dawn l-interventi se jkunu esklussivi u mhux ta’ min jitlifhom.
Fir-rokna ta’ kull ġimgħa u tant popolari f’Replay tal-Ħadd, ‘Replay Drive’, il-mistieden tal-lum se jkun l-eks referee Malti fuq il-panel tal-FIFA, Alan Mario Sant, li llum hu ċ-Chairman tar-Referees Committee tal-MFA. Din ir-rokna titwassal bl-appoġġ ta’ Continental Cars.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programmi Replay, żuru l-paġna tal-programm fuq Facebook.
//= $special ?>