Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi Kunsill Reġjonali f’Għawdex li jkun elett mill-Għawdxin stess u li jkollu l-poteri eżekuttivi bil-finanzi meħtieġa biex jopera. Dan filwaqt li naraw li din il-gżira tgawdi minn pjani li jħarsu ‘l quddiem saħansitra sa 20 jew 30 sena u mhux għal ħames snin biss.
Hekk ħabbar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt Djalogu f’lukanda f’Għajnsielem, fejn tkellem ukoll dwar kemm hu importanti li Għawdex jirnexxi mingħajr ma jkollu bżonn lil Malta.
Dwar l-aċċessibbiltà bejn iż-żewġ gżejjer, hu fakkar kif il-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara li lest iħares lejn il-proġett tal-mina b’mod kostruttiv u pożittiv. Wiegħed li jekk ikun il-bżonn, il-Partit Nazzjonalista se jara li jsir Referendum fost l-Għawdxin, ladarba jsiru u jkunu ppubblikati l-istudji serji meħtieġa.
Bernard Grech qal li Għawdex għandu bżonn pjan soċjo-ekonomiku, imfassal b’kollaborazzjoni bejn il-Kumitat Reġjonali tal-Partit u d-Deputati tal-Partit f’din il-gżira, fost l-oħrajn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Għawdex ħaqqu ekonomija aktar diversifikata biex l-Għawdxin igawdu mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol li s’issa jitgawdew f’Malta … pjan li jerġa’ jara lill-Għawdxin, żgħażagħ u mhux, jaħdmu u jgħixu f’Għawdex stess.
Barra minhekk, 3,500 Għawdxi ta’ kuljum ikollhom jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer biex jaħdmu jew jistudjaw. Żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2012, hekk kif dak iż-żmien, dan l-ammont kien ta’ 1,500, minkejja l-wegħda tal-Gvern Laburista li joħloq ix-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Hu għalhekk, tenna Bernard Grech, li l-politika tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu tibqa’ li kulħadd jissaħħaħ ħalli kulħadd jimxi ‘l quddiem.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lil għadd ta’ Għawdxin li fis-snin li għaddew u anke llum għamlu u għadhom jagħmlu unur lil Għawdex u lil Malta. Fost l-oħrajn, sellem lill-Kardinal il-ġdid Mario Grech, kif ukoll lid-Deputati Għawdxin li fl-aħħar snin servew lil din il-gżira u lil pajjiżna.
//= $special ?>