Internazzjonali

Iran: Il-qtil tax-xjenzat nukleari jista’ iwassal għal attakki fuq Iżrael

It-Tmexxija Iżlamika fl-Iran qed tagħmilha ċara li ‘xi ħadd irid iħallas bil-kbir’ għall-qtil, ftit jiem ilu, tax-xjentista nukleari Iranjan, Mohsen Fakhrizadeh. Intant – u waqt li l-Iran mhux mistenni li jaġixxi b’mod li jdaħħlu f’xi konfront dirett u ‘katastrofiku’ mal-Istati Uniti – hemm l-indikazzjonijiet li l-Iranjani kapaċi jwettqu attakk bil-missili fuq Iżrael biex jenfasizzaw ‘il-punt tagħhom’.

Ir-reġim Iranjan hu aktar determinat minn qatt qabel li jolqot lil Iżrael – għal snin l-għadu qalil ta’ Tehran – u fejn irid iwettaq l-akbar sfreġju u telf ta’ ħajja possibbli.

Intant, hemm tħassib li ‘il-vendikazzjoni’ tal-Iranjana kapaċi twassal għal xita ta’ missili fuq il-belt Iżraeljana ta’ Eilat, bl-Iran qed jidher ‘konvint’ li Iżrael kien il-moħħ wara l-assassinju tax-xjenzat.

Mohsen Fakhrizadeh spiċċa attakkat, nhar il-Ġimgħa, fl-inħawi ta’ Damavand, u miet l-isptar  mill-ġrieħi li ġarrab. Il-Punent kien jirreferi għax-xjenzat bħala protagonista ewlieni wara l-programm nukleari ta’ dimensjoni militari li suppost spiċċat xolta fl-aħħar xhur.Intant, wara l-qtil tax-xjenzat, fi tmiem il-ġimgħa, il-mexxejja tal-Iran adottaw retorika li qed tħasseb sew lill-osservaturi barranin.

Il-pożizzjoni tal-Iran qed tindika li r-reġim Iżlamiku diġà qed iħejji ‘tpattija’ għall-qtil li qed ikun attribwit lill-aġenti sigrieti ta’ Iżrael. Ir-reġim Iranjan qed jidher ukoll inkwetat dwar allegazzjonijiet li l-aġenti Iżraeljani tal-Mossad żiedu l-attivitajiet tagħhom fl-Iran u fejn ‘qed jirredikolaw lir-reġim f’għajnejn in-nies tiegħu’.

Hu minnu li Iżrael ilu jaħseb biex jelimina lil Fakhridazeh bil-ħsieb li jħarbat il-programm nukleari tal-Iran. Dan minħabba l-inkwiet li l-programm nukleari inkwistjoni jista’ jintuża għal skopijiet ostili.