Lokali Saħħa

Is-sitwazzjoni preżenti fl-Isptar Mater Dei

Id-direttivi maħruġa għall-infermieri mill-Unjin tal-Infermieri u l-Qwiebel jistgħu jpoġġu għarkupptejh lill-Isptar Mater Dei f’nofs din it-taqbida mal-pandemija.

Hekk qal lis-Sunday Times of Malta, iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Emerġenza Michael Spiteri, li spjega kif id-direttivi – li twaqqfu temporanjament b’ordni mill-Qorti – jaf ikollhom impatt serju mhux biss fuq l-andament tal-Isptar innifsu, iżda fuq saħħet il-pazjenti.

Fid-direttivi ordnati mill-MUMN, l-Infermiera kienu mitluba ma jittrasferrixxux pazjenti bejn żona u oħra tal-Isptar, kif ukoll li ma jirrapportawx ħsarat fis-swali.. Iżda Spiteri insista li l-koordiment u l-komunikazzjoni fi sptar hi essenzjali, anke meta d-direttivi qalu wkoll li l-Infermieri ma kellhomx jagħtu hand-over lil xulxin.

Madankollu, il-President tal-MUMN Paul Pace insista li preżentament l-Infermieri qed isibu ma’ wiċċhom ħafna trufijiet, b’responsabbiltajiet enormi mitluba minnhom, inkluż xogħol żejjed li fil-verità mhux suppost qed iwettquh huma.

Pace saħaq li l-Infermieri huma mgħobbijin b’xogħol żejjed, għajjiena u mingħajr tama realistika li xi darba dan kollu se jintemm fil-futur qrib. Għaldaqstant, qal li tal-anqas, huma qed jistennew li l-Gvern ta’ Abela jismaghhom u jistmaghhom b’mod serju.

Minflok, Pace argumenta li l-Gvern qed jipprova jixħet id-difetti kollha li hemm fl-Isptar Mater Dei fuq l-Unjin biex jagħlqilha ħalqha.