Milan komplew bil-wirja pożittiva, hekk kif rebħu 2-0 kontra Fiorentina, biex b’hekk saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika. Fis-17-il minuta, Milan marru fil-vantaġġ wara li korner ta’ Hakan Calhanoglu kien imxellef bir-ras minn Frank Kessie iżda kien ALESSIO ROMAGNOLI li kiseb il-ballun u xeħet fix-xibka mill-viċin. Milan rebħu penalty fis-27 minuta meta German Pezzella waqqa’ lil Alexis Saelemaekers fil-kaxxa. FRANK KESSIE nkariga ruħu u mill-11-il metru ma falliex. Milan kellhom ċans isibu anke t-tielet gowl, meta ngħataw penalty għal darb’oħra, iżda Kessie ra x-xutt tiegħu milqugħ mill-gowlkiper, filwaqt li kellhom ukoll xutt ta’ Calhanoglu li ħabat mal-lasta.
Napoli umiljaw lil Roma b’rebħa kbira ta’ 4-0. LORENZO INSIGNE fetaħ l-iskor fin-nofsiegħa logħob permezz ta’ free kick eċċellenti. Fl-64 minuta, FABIAN RUIZ għeleb lil gowlkiper minn distanza konsiderevoli minkejja xutt fil-baxx wara li rċieva mingħand Insigne. Fil-81 minuta, xutt ta’ Eljif Elmas kien milqugħ minn Antonio Mirante, iżda reazzjoni immedjata ta’ DRIES MERTENS xeħet fil-lasta. Ħames minuti wara, Napoli kkonfermaw it-tliet punti bir-raba’ gowl permezz ta’ attakk personali ta’ MATTEO POLITANO wara li dar tajjeb mad-difensuri kif ukoll qabeż il-gowlkiper.
Lazio sfaw megħluba minn Udinese 3-1 ġewwa darhom stess. Udinese marru fil-vantaġġ fit-18-il minuta wara li pass ta’ Roberto Pereyra sab lil TOLGAY ARSLAN li minn barra l-kaxxa għeleb lil Thomas Strakosha. Fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima, Udinese rdoppjaw meta IGNACIO PUSSETTO rċieva tajjeb mingħand Rodrigo De Paul u kkonkluda tajjeb. Fil-71 minuta, Udinese kabbru d-distakk permezz ta’ xutt b’saħħtu FERNANDO FORESTIERI. Tliet minuti wara, Lazio ngħataw penalty, b’CIRO IMMOBILE inkwadra tajjeb.
Bologna għelbu 1-0 lil Crotone, bil-gowl deċiżiv wasal minn ROBERTO SORIANO fl-aħħar sekondi għal tmiem l-ewwel taqsima.
Cagliari kienu miżmuma minn Spezia 2-2. Spezia fetħu l-iskor permezz ta’ EMMANUEL GYASI minn azzjoni ta’ Simone Bastoni. Fit-52 minuta u fit-58 minuta, Cagliari dawru l-iskor favurihom minn gowls ta’ JOAO PEDRO U LEONARDO PAVOLETTI. Fl-94 minuta, Spezia ngħataw penalty, fejn M’BALA NZOLA ħataf l-opportunità li jagħti punt lit-tim tiegħu.
//= $special ?>