Lokali

“Minn Mejju business as usual” – Robert Abela

“F’Jannar ser tibda t-triq lura għan-normalità – sa Mejju rrid nara li nkunu business as usual

Għal darb’oħra, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela spiċċa jwiegħed lill-poplu normalità sħiħa, tant li kkommetta ruħu li f’temp ta’ ftit xhur, pajjiżna se jimxi ‘l quddiem, bil-pandemija tkun xi ħaġa tal-passat. Lingwaġġ simili ħafna għal dak li kien qal f’Mejju li għadda, meta b’diskorsu kien ta x’jifhem li l-agħar kien għadda.

Il-Ħadd filgħodu, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Robert Abela ddeskriva l-aħħar xhur tal-pandemija bħala suċċess għal Malta.

Dan meta, f’temp ta’ ġimgħatejn biss, pajjiżna rreġistra aktar minn 1,700 każ ġdid, minkejja l-Avviż Legali li l-lbies tal-maskri kullimkien sar obbligatorju u l-bars inżammu magħluqin. U minkejja li fl-aħħar sebat ijiem kellna rekord ta’ vittmi, Abela insista li jinsab kburi.

Il-Mexxej Laburista kompla li pajjiżi oħrajn jinsabu sa xfar għajnejhom jippruvaw ilaħħqu mal-eluf ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 li ta’ kuljum qed ifeġġulhom … fl-istess waqt li nsista li f’sitt xhur irid jiftaħ il-bibien beraħ għat-turiżmu.

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li qal li jiddispjaċih għas-sidien tal-barijiet, iżda offrilhom biss din is-soluzzjoni …

“Jien f’dan ir-rigward inwiegħdkom ħaġa waħda, kelma wahda soda u qawwija – kuraġġ”.

U d-Deputat Laburista Manwel Mallia intilef f’dagħdiha ta’ attakk partiġġjan, fejn iddedika l-maġġorparti ta’ diskorsu f’attakk wieħed wara l-ieħor saħansitra fil-konfront ta’ NGOs u numru ta’ persuni oħrajn għax jikkritikaw lill-Gvern Laburista.

Sadanittant, b’reazzjoni għan-normalità ġdida mwegħda mill-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista qal li Abela mhux kredibbli meta jitkellem dwar il-pandemija u ġie preċiżat li diġa qed jitkellem minflokOwen Bonnici li suppost hu responsabbli mill-istrateġija biex pajjiżna joħroġ mill-pandemija, wara li dan falla fl-oqsma importanti tal-ġustizzja u tal-edukazzjoni fejn tneħħa wara biss għaxar xhur.

Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Mexxej Laburista irid li f’Mejju nkunu Business as Usual, l-unjins, l-ħaddiema u n-negozji milquta jeħtieġu li l-Gvern jismaghhom u jsib soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni preżenti mill-aktar fis l-għaliex pajjiżna jetieġlu u jixraqlu tmexxija kompetenti u direzzjoni ċara.