Futbol Sport

Rebħa faċli għal Swieqi kontra disa’ plejers

Chris Cassar

ŻEBBUĠ R. …………………………. 1

SWIEQI U. …………………………. 3

Żebbuġ R: M. Grech, S. Bugeja, J. Micallef, T. Bartolo, L. Mijic, C. Gauci, R. Vella, S. Milokovic, G. Gesualdi, K. Tanti, J. Carbone.

Swieqi U: J.C. Debattista, I. Micallef, J. Magri Overend, S. Elfarsi, J. Micallef, S. Ibrahim, A. Schembri Wismayer, M. Ivanovic, C. Cutajar, F. Temile, J. Azzopardi.

Referee: Malcolm Spiteri

Is-serje pożittiva ta’ erba’ logħbiet ta’ Żebbuġ Rangers waslet fi tmiemha kontra Swieqi.

Wara biss 53 sekonda logħob, Swieqi fetħu l-iskor meta xutt ta’ SALIS IBRAHIM kien imxellef minn difensur ta’ Żebbuġ bil-ballun spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Ir-reazzjoni ta’ Żebbuġ kienet waħda rabbjuża, iżda ftit konkreta quddiem il-lasta. Żebbuġ attakkaw għal ħinijiet twal iżda Mijic u sħabu ftit li xejn inkwetaw lill-gowlkiper Debattista. Swieqi minn naħa tagħhom kienu dejjem perikolużi bil-ħarbiet tagħhom u fis-39 minuta, f’waħda minn dawn il-ħarbiet ta’ Frank Temile, Kyle Tanti ntwera t-tieni karta safra biex Żebbuġ kellhom jilagħbu l-kumplament tal-logħba b’għaxar plejers.

Fit-43 minuta, azzjoni oħra ta’ Salis Ibrahim li twaqqa’ minn John Micallef bir-referee jordna l-penalty. Dan ingħata minn Schembri Wismayer iżda Grech salva tajjeb u mir-rebound l-istess Schembri Wismayer xeħet għoli.

Fil-45 minuta azzjoni ta’ Jeremy Micallef li qabeż diversi difensuri qabel twaqqa’ mill-gowlkiper għal penalty ieħor. Din id-darba kien Jeremy Micallef li ta l-penalty bil-ballun stampa mal-mimduda u mir-rebound daħal qabel kulħadd SALIS IBRAHIM li bir-ras kompla għal ġewwa.

Fit-58 minuta, xutt mill-viċin ta’ Salis Ibrahim ħabat mal-lasta, mir-rebound l-istess Ibrahim reġa laqat il-lasta u mit-tieni rebound, FRANK TEMILE xeħet fix-xibka.

Il-logħba issa kienet mingħajr storja bi Swieqi jiddominaw għal kollox u b’Żebbuġ jilagħbu wkoll l-aħħar għaxar minuti b’disa’ plejers wara li tkeċċa wkoll il-gowlkiper Matthew Grech. Fit-92 minuta gowl ta’ konsolazzjoni għal Żebbuġ skorjat minn LUKA MIJIC.