Lokali

Robert Abela mhux kredibbli meta jitkellem dwar il-pandemija – PN

Ritratt: Matthew Tabone

Wara li kien hu li ħarbat il-progress li kien sar sas-sajf li għadda b’dikjarazzonijiet irresponsabbli, Robert Abela mhux kredibbli meta jitkellem fuq meta, skont hu, pajjiżna se jirritorna għan-normal wara l-pandemija.

Dan saħqu l-Partit Nazzjonalista fejn insista li wara li ġimgħa ilu wettaq reshuffle li biha ammetta li l-Gvern li jmexxi hu falla fl-iktar setturi milquta minn din il-pandemija; l-anzjani, l-edukazzjoni u t-turiżmu, Robert Abela mhux kredibbli jitkellem fuq l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija.

“Robert Abela jidher li diġa’ qed jitkellem minflok Owen Bonnici li suppost hu responsabbli mill-istrateġija biex pajjiżna joħroġ mill-pandemija, wara li dan falla fl-oqsma importanti tal-ġustizzja u tal-edukazzjoni fejn tneħħa wara biss għaxar xhur”.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li kulħadd f’dan il-pajjiż irid jara li din il-pandemija tgħaddi, pero’ l-irwol tal-Gvern m’huwiex li jagħmel dikjarazzjonijiet populisti mingħajr ebda bażi xjentifika jew ekonomika iżda li jkollu strateġija ċara u pjan maqbul ta’ kif se jaħdem fix-xhur li ġejjin. Robert Abela mill-iktar fis għandu jippubblika l-istrateġija nazzjonali tal-vaċċinazzjoni tal-COVID-19.

Filwaqt li l-Prim Minsitru jitkellem fuq normalita’ u business as usual, unjins u setturi ta’ ħaddiema u negozji milquta qed jappellaw lil Gvern ta’ kuljum biex jikkonsultahom u jsib soluzzjonijiet għall-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

“Pajjiżna jeħtieġ tmexxija kompetenti u direzzjoni ċara”.