F’inqas minn sena, il-qasam edukattiv ra bidla fit-tmexxija ta’ tliet Ministri, xi ħaġa mingħajr preċedent fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna.
Is-sena bdiet taħt it-tmexxija tal-Ministru Evarist Bartolo. Iżda mal-waqa’ tal-Gvern ta’ Joseph Muscat u l-elezzjoni ta’ Robert Abela għat-tmexxija tal-Partit Laburista u bħala Prim Ministru f’Jannar li għadda, Evarist Bartolo tneħħa minn Ministru tal-Edukazzjoni u postu ttieħed minn Owen Bonnici.
Iżda l-portafoll ta’ Owen Bonnici – li ma kellu l-ebda familjarita’ ma’ dan il-qasam – kien qasir il-għomor hekk kif wara biss 10 xhur, Robert Abela neħħieh mill-qasam tal-Edukazzjoni u postu ttieħed minn Justyne Caruana, it-tielet Ministru tal-Edukazzjoni fl-2020.
F’artiklu fuq il-gazzetta il-Mument, il-President tal-Union tal-Għalliema, Marco Bonnici qal li l-bidla fil-kariga normalment iġġib magħha diversi reazzjonijiet mill-edukaturi, kemm internament kif ukoll fuq il-mezzi soċjali.
Iżda din l-aħħar ħatra ftit li xejn qanqlet reazzjoni. Marco Bonnici qal li jixtieq li din in-nuqqas ta’ reazzjoni hi frott li l-edukazzjoni waslet fl-istat li l-bidla ta’ Ministru ma tħallix impatt.
Iżda l-President tal-MUT wisq jibża’ li t-tibdil qawwi fil-prattiċi ta’ xogħol fl-aħħar snin, iktar u iktar minħabba l-pandemija, din l-aħħar bidla qed tiġi milqugħa b’element ta’ rassenjazzjoni.
Marco Bonnici qal li dan hu inkwetanti għaliex l-edukaturi tradizzjonalment minn dejjem kienu ħassieba.
Il-fatt li qed jiġu evitati diskussjonijiet ma jawgura xejn tajjeb, għaliex dan donnu qed jindika rassenjazzjoni u indifferenza, temm jikteb il-President tal-MUT.
//= $special ?>