Lokali

Vuċi u tama għan-nies

“Irridu naħdmu flimkien biex inkunu t-tama u mill-ġdid l-għażla naturali tan-nies”. Sostniet dan, il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-Tielet Distrett Janice Chetcuti meta indirizzat l-attività politika f’Għajnsielem, Għawdex, fejn saħqet dwar l-importanza tal-lealtà sħiħa lejn il-Partit u min imexxih

Hi sostniet li l-Kandidati tal-PN għandhom ikunu l-vuċi tan-nies u bl-eżempju tagħhom, jinkiseb lura r-rispett lejn il-politiċi, liema rispett tkisser f’dawn l-aħħar seba’ snin ta’ skandli taħt Gvern Laburista.

Janice Chetcuti semmiet ukoll kif is-settur tad-drittijiet tal-annimali jibqa’ għal qalbha u se tibqa’ taħdem għall-ġid tal-annimali. Hi ferħet ukoll lil Alison Bezzina għall-ħatra tagħha bħala l-Kummissarju l-ġdid għad-Drittijiet tal-Annimali.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat fuq id-Disa’ u l-Għaxar Distrett Graham Bencini qal li l-kwalità tal-ħajja fl-aħħar seba’ snin naqset u kompliet tonqos b’rata aktar mgħaġġla fl-aħħar erba’ snin, tant li minn stħarriġ internazzjonali, Malta niżlet mis-6 post fl-2016 għall-41 post fl-2019. U dan minkejja li konna għaddejjin minn żmien ta’ tkabbir ekonomiku.

Dan qed jidher ukoll f’diffikultajiet, f’numru ta’ oqsma fosthom is-servizzi finanzjarji u bankarji, il-faqar li qed jgħolli rasu, l-isfreġju ambjentali u l-governanza tajba li hi ineżistenti.

Bencini sostna li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika … għax dejjem kien il-Partit tal-Viżjoni. Mhux biss fid-deċiżjonijiet dwar il-futur politiku, iżda wkoll fil-qasam ekonomiku bil-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda li għadhom sal-lum is-sinsla tal-ekonomija Maltija.