Futbol Sport

Wirja qalbiena Tarxiniża taħsad lill-Beltin

(Ritratt: Domenic Aquilina - MFA)

Luke Micallef

TARXIEN RAINBOWS……. 3

VALLETTA……………………. 1

Tarxien: D. Fernandes Marcio, B. Muscat, D. Zerafa (A. Do Nascimento 46’), D. Falzon, M. Spiteri, V. Plut (K. Attard 88’), J. Debono, V. Conceicao (K. Pulo 84’), E. Rosado Souza, K. Gatt, M. Tabone

Valletta: H. Bonello, J. Caruana, R. Camilleri, T. Caruana, S. Malano (J. Requena 46’), E. Pena Beltre, J. Zerafa (S. Dimech 46’), D. Aguirre Leandro (T. Marukawa 52’), M. Alba, R. Fenech, M. Fontanella

Imwissija: J. Zerafa 19’ (V), K. Gatt 41’ (T), M. Spiteri 55’ (T), D. Fernandes Marcio 67’ (T), B. Muscat 68’ (T), V. Conceicao 76’ (T), M. Alba 80’ (V)

Skorjaw: D. Falzon 20’ (T), V. Plut 47’ (T), M. Spiteri 50’ (T), E. Rosado (OG) (V)

Referee: D. Agius

Assistenti Referees: D. Sultana, J. Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: D. Falzon (T)

BOV Plejer tal-logħba: V. Plut (T)

F’partita mimlija azzjonijiet, kontra kull mistenni, Tarxien Rainbows għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 3-1. Valletta komplew bir-riżultati negattivi hekk kif issa fl-aħħar tliet logħbiet tagħhom huma ħadu biss żewġ punti b’paritajiet kontra Gudja u Sliema, u din it-telfa kontra Tarxien.

L-ewwel battuti tal-partita rat liż-żewġ timijiet jippruvaw joħolqu xi tip ta’ azzjoni, iżda l-ewwel azzjoni denja ta’ nota sarfet f’gowl għat-Tarxiniżi. Fl-20 minuta, minn freekick mogħti perfett, DARREN FALZON ħalla lil Henry Bonello ċass iħares lejn il-ballun dieħel fix-xibka Beltija. Tliet minuti wara Tarxien reġgħu kienu perikolużi. Vito Plut baqa’ tiela’ bil-ballun, iżda x-xutt finali tiegħu kien fjakk wisq u spiċċa barra. Man-nofs siegħa logħob Valletta ħolqu l-aħjar azzjoni tagħhom tal-ewwel taqsima. Mario Fontanella bir-ras minn taħt il-lasta sab lil Daniel Fernandes attent u ċaħħad lill-Beltin minn gowl ċert. Fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima Fontanella kellu żewġ ċansijiet ta’ skor. Fit-43 minuta Mario Fontanella minn taħt il-lasta spara għoli filwaqt li fl-azzjoni ta’ wara xutt tal-istess Fontanella għadda ftit barra. Tarxien daħlu jistrieħu gowl minn fuq.

Tarxien bdew it-tieni taqsima bil-kbir. Fis-47 minuta huma rdoppjaw permezz ta’ VITO PLUT li fi skambju tal-ballun ma’ Conceicao da Silva, ra x-xutt fil-baxx tiegħu jegħleb lil Bonello. Tliet minuti wara Tarxien għamluhom tlieta, hekk kif MATTHEW SPITERI rċieva minn kross fil-baxx, li prattikament waħdu xeħet fix-xibka difiża minn Bonello. Minn hawn ‘il quddiem Valletta assedjaw lir-Rainbows b’attakki kontinwi. Fil-55 minuta Jonathan Caruana bir-ras laqat il-lasta l-mimduda. Mas-siegħa logħob xutt mill-viċin ta’ Shaun Dimech ġie salvat bi bravura mill-gowler Tarxiniż. Fl-64 minuta Valletta naqqsu d-distakk permezz ta’ autogoal tad-difensur EDUARDO ROSADO li prova jneħħi l-periklu iżda minnflok bir-ras xeħet fil-lasta tiegħu stess. Fis-67 minuta, minn freekick, Requena ra l-ballun dirett tiegħu jgħaddi ftit barra. Fit-78 minuta, Emmy Pena Beltre ra x-xutt tiegħu jmur barra. L-isforzi tal-Beltin ma sarrfu fl-ebda gowl b’Tarxien jikkontrollaw sat-tmiem.