Lokali

Aktar Ministri tal-Gvern iħawdu dwar il-ġurnata leave

Tkompli titgħaqqad il-kobba mħabbla marbuta tal-ġurnata leave li l-Gvern kellu jagħti,jew mhux se jagħti, is-sena d-dieħla.

Wara li kien Net News li skopra li d-Dipartiment tal-Gvern dwar l-Industrija u l-Impjieg, fil-website tiegħu mhux qed juri l-ġurnata leave li wiegħed il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-budget, il-Prim Ministru Robert Abela l-ewwel kien ħareġ jgħid li dak il jinqara’ bil-Budget jitwettaq, imbagħad mar lura fuq kliemu.

F’din it-taħwida, il-Ministri tal-Gvern ukoll donnhom mitlufa, u ma jafux jekk jgħidux vi jew va, bl-aħħar Ministru li kompla għaqqad il-kobba jkun Roderick Galdes  li issa qed jgħid li dik il-wegħda diġà twettqet – u bhal donnu jrid jgħid li dak li kellu jingħata, diga’ ingħata. U allura mhu se tiżdied ebda ġurnata leave.

Intant, lill-Ministru tal-Housing pruvajna nistaqsuh dwar il-power station li kkummissjona l-Lejber biex tipprovdi d-dawl fid-djar tagħna. Dan wara li s-Sibt filgħaxija tliet kwarti ta’ Malta spiċċat bla dawl, u wara li il-Gvern reġa waħħal fl-interconnector. iżda anke dwar dan, Galdes ma kienx komdu jwieġeb, u ħarab jigri fil-karozza li kellu titennieh.