Futbol Sport

“Dawn kienu l-agħar ħames xhur tiegħi fil-futbol. Jeħtieġ li Valletta jieħdu d-deċizjonijiet” – Jesmond Zerafa

F’intervent dirett waqt Replay tal-bieraħ filgħaxija, Zerafa ħabbar li rreżenja minn kowċ ta’ Valletta

Waqt edizzjoni oħra diretta tal-programm Replay, tal-Ħadd filgħaxija fuq Net Television, il-bieraħ Jesmond Zerafa ħabbar b’mod esklussiv id-deċizjoni tiegħu li kien qiegħed jirreżenja minn kowċ ta’ Valletta. Din id-deċizjoni ttieħdet appena ntemmet il-partita tal-bieraħ kontra Tarxien Rainbows, u li Valletta tilfu kontra kull mistenni bl-iskor ta’ 3-1.

F’intervent mhux maħsub waqt il-programm popolari dwar il-futbol lokali Replay, Zerafa tkellem permezz ta’ kollegament telefoniku fejn mhux biss ikkonferma l-aħbar li kienet żvelata lejn l-aħħar tal-programm, iżda saħaq li hu kien qed jieħu din id-deċizjoni b’responsabiltà u li din id-darba mhux se jkun qed jerġa’ idawwar fehmtu kif għamel lejn l-aħħar ta’ Settembru li għadda. Dan għaliex, Zerafa stqar li hu kien diġa’ irreżenja minn kowċ ta’ Valletta wara l-ewwel logħba tal-Kampjonat Premier dan l-istaġun, meta l-Beltin kienu rebħu kontra Birkirkara 4-2.

“Meta tkun kowċ ta’ Valletta u tkun mill-Belt Valletta, ċertu deċizjonijiet taf iddum ma teħodhom, pero din id-darba, anke għaliex dan hu fl-aħjar interess tiegħi personali, din id-darba se nkun qed inżomm mad-deċizjoni li nirreżenja,” saħaq Zerafa waqt Replay.

L-eks plejer internazzjonali Malti u eks kowċ ta’ diversi klabbs fil-Kampjonat Premier, inħass komoss waqt li kien qed jitkellem għall-ewwel darba minn meta ħabbar din id-deċiżjoni u tenna li “l-klabb ta’ Valletta ma jixraqlux din il-posizzjoni li jinsab fiha u jeħtieġ li jittieħdu d-deċizjonijiet li għandhom jittieħdu.”

Il-kummenti ta’ Zerafa f’Replay kienu jinħassu li kellhom kritika kostruttiva lejn it-tmexxija amministrattiva tal-klabb, tant li qal li hu ried li jieħu dawn id-deċizjonijiet, mingħajr ma speċifika liema huma, iżda għal xi raġuni jew oħra dawn baqgħu ma ttieħdux għalkemm tenna li flimkien mal-kumitat ta’ Valletta kienu qed jaħdmu għal soluzzjoni.

“Jien bniedem ta’ prinċipju u għal ġid ta’ pajjiżi (b’referenza għall-fatt li hu mill-Belt Valletta) u għall-ġid tal-partitarji Beltin, jien qed nieħu din id-deċizjoni u mhux se mmur lura minha,” temm jgħid Zerafa fil-programm Replay tal-bieraħ il-Ħadd.

Agħfas hawn biex issegwi l-parti mill-programm Replay li fiha tkellem dirett Jesmond Zerafa.