Futbol Sport

Eks plejer ta’ Napoli li lagħab ma’ Maradona jitkellem dwar il-leġġenda Arġentina f’Replay

Fl-aħħar jiem, l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin fid-dinja, partikolarment dawk sportivi, iddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom biex iselmu l-memorja tal-leġġenda tal-futbol internazzjonali, Diego Armando Maradona li miet nhar l-Erbgħa li għadda. Ma setgħax jonqos li l-istazzjonijiet il-kbar u li huma segwiti minn miljuni ta’ nies, ma jkollhomx diskussjonijiet bil-parteċipazzjoni ta’ individwi magħrufa, mill-passat tal-futbol internazzjonali u li kellhom esperjenzi diretti mal-eks plejer internazzjonali Arġentin.

Replay jiddiskuti l-karriera ta’ Maradona ma’ plejers li lagħbu miegħu u kontra tiegħu

Anke f’Malta, il-programmi sportivi fuq l-istazzjonijiet televiżivi selmu l-memorja ta’ Maradona, b’filmati mill-karriera sabiħa ta’ ‘El Pibe de Oro’ u b’diskussjoni fuq livell lokali, skont kif jiftakruħ il-Maltin li kienu jsegwuħ fuq it-televiżjoni meta kien jilgħab. Madankollu l-programm dwar il-futbol lokali ta’ nhar ta’ Ħadd filgħaxija, Replay fuq Net Television, il-bieraħ issorprenda lill-udjenza tiegħu, meta sellem u fakkar il-memorja ta’ dan il-plejer b’diskussjoni bis-sehem dirett ta’ żewġ eks plejers li lagħbu miegħu, fl-istess tim kif ukoll kontra tiegħu, f’żminijiet differenti tal-karriera ta’ Maradona.

Veru każ li t-tmexxija ta’ Replay kompliet tagħti prova tal-professjonalità u l-organiżazzjoni li jitmexxew il-programmi Replay fuq Net Television. F’ġimgħa fejn id-dinja kollha qed tiddiskuti il-ħajja u l-karriera kalċistika ta’ dan il-plejer, Replay ħadet id-diskussjoni f’livel għoli u superjuri bil-parteċipazzjoni ta’ żewġ personalitajiet internazzjonali li kellhom esperjenzi u relazzjoni diretta ma’ Maradona.

Giacchetta – Jiddebutta fis-Serie A ma’ Napoli, b’gowl deċiżiv f’azzjoni ma’ Maradona

Waqt din id-diskussjoni, il-presentatur tal-programmi Replay, Christian Micallef tkellem b’kollegament awdjo-viżwali u dirett mal-eks plejers Simone Giacchetta u Sergio Soldano. Giacchetta għal staġun ma’ Napoli, fl-istess tim ta’ Maradona, fl-istaġun 1988/89, meta Napoli ta’ Maradona kienu temmew fit-tieni post fis-Serie A, finalisti telliefa tal-Coppa Italia iżda rebħu l-Coppa UEFA. Ta’ 19-il sena, Giacchetta kien idebutta fis-Serie A, fl-istess tim ta’ Maradona u fl-ewwel partita tiegħu, kien skorja l-gowl tar-rebħa kontra Atalanta. Giacchetta, li f’Replay tkellem dwar l-esperjenzi tiegħu ma’ Maradona speċjalment dawk li għex miegħu fid-dressing room, kien issieħeb lil Napoli fis-sajf tal-1988 mingħand Civitanovese, bl-għan speċifiku li jservi ta’ riserva għal tliet plejers partikolari; Andrea Carnevale, Maradona u Careca.

Simone Giacchetta meta kien ma’ Napoli

Soldano – tal-istess età ta’ Maradona u kien miegħu fl-iskwadra selettiva tal-Arġentina

Fil-każ ta’ Soldano, dan jaf lil Maradona minn qabel Giacchetta anke għaliex għandu l-istess età bl-eżatt, 60 bħal Maradona. Soldano hu Arġentin, u riċentament kien parti miċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, fejn serva bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena. Soldano għex esperjenzi uniċi ma’ Maradona, kemm bħala plejer li lagħab kontra tiegħu fil-bidu nett tal-karriera tiegħu fl-Arġentina, iżda ukoll kien wieħed mill-plejers fl-iswadra selettiva tat-tim nazzjonali Arġentina, lejn l-aħħar tas-snin 70, u li kien hemm fiha Maradona.

Sergio Soldano fil-bidu nett tal-karriera tiegħu fl-Arġentina

Id-diskussjoni simultanja ma’ dawn iż-żewġ eks plejers, li iżda llum għadhom involuti fil-futbol fuq livell amministrattiv, kienet waħda mill-aktar interessanti u segwita b’interess mill-pubbliku sportiv Malti. Fil-każ ta’ Giacchetta, illum hu d-Direttore Sportivo tal-klabb fil-Lega Pro fl-Italja, Albinoleffe filwaqt li Soldano jaħdem internazzjonalment fil-livell tal-grassroots.

Ara l-parti f’Replay fejn jitkelmu Giacchetta u Soldano

Sabiex issegwi din il-parti tad-diskussjoni li xxandret f’Replay tal-bieraħ filgħaxija, u li tmexxiet bit-Taljan peress li ż-żewġ mistiedna speċjali jitkelmu aħjar b’din il-lingwa, agħfas hawn.

Replay qed ikompli jkun innovativ u oriġinali fil-kontenut li jwassal

F’kummenti li ta lil dan is-sit wara l-programm tal-bieraħ il-producer eżekuttiv u presentatur tal-programmi Replay, Christian Micallef, hu tenna s-sodisfazzjon tiegħu li Replay, grazzi għal ħidma kbira anke fuq livell internazzjonali, irnexxilu jagħmel programm ieħor interessanti fejn “konna kapaċi niddiskutu l-karriera ta’ Maradona fuq l-istess livell ta’ kif iddiskutweha l-programmi sportivi ‘l kbar fid-dinja.”

Micallef żied jgħid ukoll, li “fil-verità kont prudenti ħafna milli nirreklama din il-parti tal-programm qabel Replay tal-bieraħ, għaliex peress li dawn l-interventi kienu diretti, bżajt li setgħa jkolna xi problema teknika jew xi ħaġa oħra, u l-interventi awdjo-viżwali kif kelna, kienu jfallu, iżda ma kienx il-każ. Irnexxilna nkomplu ngħollu l-profil tad-diskussjoni fil-programm tagħna u nkunu kreattivi biżżejjed li nagħtu u nwasslu l-valur miżjud fil-kontenut tagħna għall-udjenza li ssegwina ta’ kull ġimgħa. Dawn it-tip ta’ programmi huma parti minn katina ta’ programmi oħra professjonali u ta’ livell li ġimgħa wara l-oħra qed inwasslu permezz ta’ Replay. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lit-tim kollu tiegħi, lill-ħaddiema ta’ Net Television kif ukoll lill-isponsors tal-programmi Replay, li huma ta’ appoġġ kbir fit-twetiq tal-ħidma tagħna.”