Lokali

Żewġ Libjani u żagħżugħa Maltija jinżammu arrestati fuq ħtif ta’ Lebaniża – t-tfajla tqajjem kommossjoni fl-awla

Ħatfuha u riedu l-flus biex tinħeles...magħhom kien hemm tfajla Maltija

Maher Elemetni, Libjan ta’ 43 sena u s-sieħba tiegħu żagħżugħa Maltija ta’ 22 sena kif ukoll Libjan ieħor bl-isem ta’ Osama Ali Amosh ta’ 36 sena li ġew mixlija fuq każ ta’ ħtif ta’ mara mill-Libanu nżammu arresatati u ttieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Wara li tressqu l-Libjani, b’mod separat tressqet Caroline Debrincat ta’ 22 sena minn San Pawl il-Baħar li f tmiem is-seduta qajjmet kommozzjoni sħiħa fl-awla tal-Qorti billi bdiet tindirizza lill-Prosekuzzjoni bħala ‘ġiddieba u żibel.’ Hija mill-ewwel inżammet mill-Pulizija u ġiet eskortata lejn il-ħabs.

L-Ispettur John Spiteri li flimkien mal-Ispetturi Stephen Gulia u Jessica Bezzina qal li dan il-każ idur kollu ma’ flus li kellu jagħti t-tifel tal-mara Lebaniża ta’ 50 sena li spiċċat maħtufa. Qal li l-mara spiċċat sekwestrata f’dan ġewwa San Pawl il-Baħar fejn toqgħod Debrincat. Tenna li t-tifel kellu jagħti lill-akkużati €4,000.

Il-Libjani ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li nhar is-Sibt li għadda, 28 ta’ Novembru, bejn it-3.00pm u l-11.15pm. serqu lil mara bil-ħsieb li jagħmlulha ħsara, li ssekwestrawha bi vjolenza, forma u ngann u li għamlu dan kontra l-volontà tagħha.

Ġew mixlija wkoll li kkaġunawlha biża li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha. Elmetni waħdu ġie mixli wkoll li sar reċidiv. Kien is-Sibt stess meta raġel ċempel lill-Pulizija jirrapporta li Libjan għamel kuntatt miegħu u heddu li jekk ma jħallasx somma flus, mhux se jara iżjed lil ommu. Il-mara Lebaniża kienet spiċċat maħtufa mid-dar tagħha fl-Imsida.

L-Avukat Joe Brincat li deher għal Elemetni, li allegatament f’din l-operazzjoni kiex ix-xufier li wassal lil Lebaniża fir-residenza ta’ San Pawl il-Baħar fejn hemm tpoġġiet m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Noel Bianco li flimkien mal-Avukat Ibtisam Sadegh qed jidher għal Osama qal li l-klijent tiegħu għandu s-sieħba tgħix miegħu u jrid imantni lilha u lit-tifel tiegħu u l-Qorti tista’ tagħti l-miżuri kollha possibbli biex dan jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha fiż-żewġ każi fejn qalet fil-każ ta’ Osama dan kellu jieħu xi flus li ma ġewx irritornati u għalhekk ġie deċiż li dawn se jingħataw biss jekk tinħataf omm il-persuna li kellu jagħti l-flus. L-omm spiċċat fir-residenza ġewwa San Pawl il-Baħar għand Debrincat itteroriżżata.

Il-Pulizija qalet li f’dan il-każ persuni vulnerabbli kienet se tispiċċa ħażin u ‘nirringrazzjaw l-Alla li din għadha ħajja’. Ingħad ukoll li hemm biża li jistgħu jiġu kontaminati l-provi peress li għad trid tixhed il-vittma, binha u persuna oħra mportanti. Għalhekk m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti hawn ċaħdet it-talba minħabba l-fatt li l-imputat f’dan l-istadju ma jagħti l-ebda serħan tal-moħħ li joqgħod għal dak li tista’ tordnalu l-Qorti. Wara tressqet Caroline Debrincat fejn tul is-seduta deheret ferm emozzjonata u li għal ħafna ħin kienet qed tolfoq u tibki.

Wara li nqraw l-akkużi l-Avukat George Anton Buttigieg f’isem Debrincat ikkontesta l-arrest fuq il-fatt li l-akkużi ma kienux kif suppost u li hija aġixxiet fuq ordnijiet ta’ ħaddieħor. Il-Prosekuzzjoni ma qablitx u qalet li dan mhux minnu, anzi l-akkużi huma relatati bil-Qorti tiddeċiedi li l-arrest huwa ġustifikat.

Wara d-difiża għamlet talba għall-pleġġ u qalet li verament l-akkużi huma serji, imma dan ma jfissirx li minħabba f’hekk m’għandhiex tingħata l-ħelsien mill-arrest. In-natura tar-reati mhumiex raġuni biex hija tinżamm arrestata. id-difiża kkwotat ukoll sentenza Kostituzzjonali dwar dan.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat u qalet li l-vittma kienet inħatfet minn karozza u wara li nstabet din spiċċat l-isptar b’xokk. Il-fatt li l-akkużata żammitha għandha u li fil-kumpilazzjoni se joħroġ ukoll dwar x’qalet lill-vittma t-tfajla Maltija u l-fatt li din mhux taħt l-età, allura żgur li kienet qed taġixxi min jeddha.

Dwar Debrincat il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-kondotta tagħha mhijiex xi waħda impekabbli u li dan għadu stadju ferm bikri. Qalet ukoll li hija omm ta’ tifel ta’ erba’ snin u li l-każ kollu seħħ fil-preżenza ta’ binha. Ingħad ukoll li hemm il-biża li jiġu kontaminati l-provi.

Il-Qorti wkoll tiċħad it-talba tad-difiża fil-konfront ta’ Debrincat. Il-każ ġie solvut mill-Pulizija meta ftit wara l-11pm, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri u tar-RIU, sabu lil mara, li kienet qiegħda tinżamm mit-tfajla Maltija f’appartament f’Buġibba.

L-investigazzjoni saret mill-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Reati Maġġuri, tad-Distrett tal-Imsida u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), li wasslet biex mara ta’ 50 sena mil-Lebanon. Fortunatament hija nstabet qawwija u sħiħa f’appartament f’Buġibba.

Kien nhar is-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-7.00pm. li, l-Pulizija rċeviet telefonata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija minn raġel li rraporta li Libjan għamel kuntatt miegħu u heddu li jekk ma jħallasx somma flus, mhux se jara iżjed lil ommu.

Investigazzjoni min-naħa tad-Distrett irriżulta li l-mara nħatfet mir-residenza tagħha u mill-ewwel bdiet tfittxija għaliha, kif ukoll għall-persuni li ħatfuha.

Il-Pulizija sabu lil mara, li kienet qiegħda tinżamm mit-tfajla Maltija f’appartament fi Triq Barnaba, f’Buġibba u wara hija ngħatat kura f’ċentru tas-saħħa. Il-vittma qiegħda tingħata wkoll assistenza mill-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri, Stephen Gulia u Jessica Bezzina filwaqt li għal Elemetni deher l-Avukat Joe Brincat u għal Amosh deheru l-Avukati Noel Bianco u Ibtisam Sadegh.