Lokali

“Id-dritt tal-governanza tajba għandu jkun dritt garantit fil-Kostituzzjoni tagħna” – Bernard Grech

“L-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu jingħata s-saħħa eżekuttiva biex jitlob informazzjoni mingħand l-entitajiet li jkun qiegħed jinvestiga bil-poter li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas”.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif it-Tnejn filgħodu għamel żjara lill-uffiċċju tal-Ombudsman f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni.

Bernard Grech qal li l-fatt li diversi persuni jitolbu l-assistenza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman ifisser li din l-istituzzjoni tagħti sens ta’ tama liċ-ċittadin u hu propju għalhekk li l-kredibbilita’ tagħha hi fundamentali għal pajjiżna.

Huwa qal li f’dan il-kuntest id-dritt tal-governanza tajba għandu jkun dritt garantit fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna għaliex dan biss verament joffri lil kull persuna s-sens ta’ serenità u trankwillità f’istituzzjonijiet li jaħdmu.

Li jiddaħħal id-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala prinċipju bażiku fil-Kostituzzjoni jfisser, li l-individwu jingħata għodda legali effettiva sabiex jeżerċita dan id-dritt u b’hekk ikun jista’ jżomm lill-aworità pubblika responsabbli.

Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni determinata li b’mod ġenwin tissieħeb mal-istakeholders kollha sabiex flimkien titfassal viżjoni… viżjoni ta’ governanza aktar ġusta. “Wasal iż-żmien għalhekk li l-politiċi jagħtu l-impenn tagħhom sabiex fejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman m’għandux is-saħħa eżekuttiva biex jitlob informazzjoni mingħand l-entitajiet li jkun qiegħed jinvestiga, jingħata aktar poter biex ikun jista’ jakkwista dik l-informazzjoni, bil-poter li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas,” qal Bernard Grech.

Waqt din iż-żjara, il-Kap tal-PN iltaqa’ mal-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fejn wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma indispensabbli tagħhom fit-twettiq tar-rwol kostituzzjonali ta’ din l-istituzzjoni tant importanti għad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.