Internazzjonali

Il-Covid-19 fl-Istati Uniti: Possibbiltà ta’ ‘spinta fuq l-ispinta’ tal-infezzjonijiet wara Thanksgiving

L-Istati Uniti qed tiffaċċja żieda ġdida u qawwija ta’ infezzjonijiet fil-jiem li ġejjin u meta hi diġà l-aktar pajjiż fid-dinja li rreġistra infezzjonijiet u mwiet mill-coronavirus.

Il-virologu ewlieni Amerikan, Anthony Fauci, wissa dwar ‘spinta fuq l-ispinta’ tal-każi tal-Covid-19 wara li miljuni ta’ Amerikani injoraw it-twissijiet tiegħu u vjaġġaw lura d-dar – ħafna minnhom fuq distanzi twal – għall-festa tradizzjonali ta’ Thanksgiving.

Dan meta aktar esperti dwar il-mard ħarġu bi twissijiet dwar il-firxa tal-coronavirus fl-Istati Uniti u wara li n-nies sfidaw id-direttivi tas-saħħa għal waqt Thanksgiving fejn sar ‘taħlit bl-addoċċ ta’ familji u ħbieb’ bi ftit attenzjoni għal-linji gwidi mediċi.

Min-naħa tagħha, Celine Gounder, tabiba u konsulenta dwar il-coronavirus għall-President-elett Amerikan, Joe Biden, esprimiet tħassib dwar il-pressjoni li se jkun hemm fuq l-isptarijiet tal-Istati Uniti fil-jiem li ġejjin.

Hi qalet li, sfortunatament, ħafna nies li ċelebraw Thanskgiving ma’ familthom u l-ħbieb jistgħu jispiċċaw f’qigħ ta’ sodda fl-isptar għall-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena.

Fi tmiem il-ġimgħa, l-ammont ta’ persuni morda bil-Covid-19 li spiċċaw l-isptar fl-Istati Uniti laħaq  għoli rekord ta’ ‘il fuq minn 93,238 persuna.