Lokali Parlament

Il-ġenituri m’għandhomx iħallu barra s-sess tat-trabi kapriċċożament

– Karol Aqulina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-ġenituri m’għandhomx iħallu barra s-sess tat-trabi kapriċċożament.

Fil-parlament Karol Aquilina tkellem fid-dibattitu dwar il-każi ta’ tarbija fejn il-ġenituri se jkollhom id-dritt li ma jniżżlux il-sess tagħha u qal li fil-liġi hemm speċifikat li s-sess ifisser ukoll il-ġeneru.

Hu qal li jeżistu sitwazzjonijiet fejn tarbija titwieled u medikament ma jkunx ċar jekk dan ikunx tifel jew tifla. Għalhekk il-ġenituri jkollhom diffikultà jidentifikaw is-sess tat-tarbija għalkemm din hi sitwazzjoni rari ħafna.

Hu tajjeb li din is-sitwazzjoni tkun trattata, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-problema tqum meta tarbija li tkun ċara mis-sess tagħha l-ġenituri xorta għandhom dritt li ma jiddikjarawx is-sess biex wara s-snin tkun il-persuna li tiddeċiedi s-sess tagħha.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li jispera li m’hawnx ġenituri li ma jiddikjarawx is-sess tat-tfal tagħhom għalkemm m’hemmx ċertezza dwar dan. Jeħtieġ li l-liġi tinbidel biex ikunu evitati sitwazzjonijiet ta’ abbużi waqt li jkun hemm is-salvagwardji neċessarji.

Karol Aquilina sostna li l-ġenituri m’għandhomx iħallu barra s-sess tat-trabi b’mod kapriċċuż. Hu appella biex ikun hemm qbil bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni fuq din il-liġi.

Karol Aquilina qal li l-poplu mhux se jifhem biżżejjed l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Ċivili u Diversi Liġijiet Oħra u appella biex meta jkun hemm liġijiet kontroversjali, il-gvern ipoġġi fil-parlament memorandum dwar is-sinifikat ta’ dawn il-liġijiet. Hu sostna li għandu jkun hemm uniformità dwar kif isiru l-ħatriet f’awtoritajiet regolatorji biex in-nies jifhmu sew dak li jkun qed iseħħ.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-kunjomijiet, l-iżbalji fiċ-ċertifikati tat-twelid tal-persuni jew anki tal-ġenituri u l-qrati li jiddeċiedu dwar dawn l-iżbalji. Hu appella biex f’każi ta’ żbalji fl-ismijiet jew żbalji oħra l-persuni involuti ma jkollox bżonn imorru l-qorti iżda jkunu rranġati f’miżuri sempliċi.

Karol Aquilina kompla li hu tajjeb li l-liġi tindirizza l-għażliet tal-kunjoniet u l-ismijiet tal-persuni li jibdlu l-ġeneru iżda jridu jkunu kkunsidrati l-problemi li jistgħu jinħolqu fir-riċerki.