Il-Kumpanija Torka TACA li kienet inġiebet Malta biex tagħmel xogħolijiet fis-settur tal-kostruzzjoni u l-infrastruttura għandha madwar €7,000,000 djun ma’ għexieren ta’ kumpaniji Maltin, u issa rrikorriet għall-protezzjoni tal-Qorti Torka.
TACA bdiet proċeduri legali fil-Qorti Kummerċjali ta’ Istanbul biex tirbaħ ftit żmien qabel ma tkun sfurzata tħallas id-djun tagħha lill-kumpaniji Maltin.
Il-kumpanija tal-kostruzzjoni Torka qed titlob tliet xhur nifs biex tħallas id-djun li għandha. Djun li wasslu biex il-ħaddiema tagħha spiċċaw bla pagi għal xhur sħaħ.
Skont rapporti, uħud mid-ditti Maltin għandhom jieħdu sa żewġ miljun ewro mingħand it-Torok. Madankollu fi tweġibiet għal mistoqsijiet tat-Times of Malta, il-bord tad-diretturi ta’ TACA qed jinsistu li għadd kbir tat-talbiet għall-ħlas mill-Maltin huma ħżiena, u se jkunu kkontestati bil-qawwa fil-Qrati mill-kumpanija Torka.
Il-kumpanija kienet qed taħdem primarjament fuq il-proġett tal-Fortina li madankollu qalet li kienet qatgħet kull rabta ma’ TACA f’Ġunju li għadda wara li ħaddiema tal-kumpanija għamlu strajk tal-ġuħ minħabba li ma kienux qed jitħallsu tax-xogħol li kienu qed jagħmlu.
Minn naħa tagħhom TACA kienu qalu li kienu huma stess li tterminaw il-kuntratt mal-Fortina għax il-Maltin ma kienux żammew mal-obbligi kontrattwali tagħhom.
Fortina żammet lil TACA responsabbli għad-danni li rriżultaw minn dewmien żejjed fil-proġett. TACA kienet ukoll involuta f’xogħolijiet fuq l-estensjoni ta’ San Vinċenz de Paul, fost oħrajn.
//= $special ?>