Lokali

Il-Qorti tgħid li qed issibha diffiċli temmen ix-xhieda ta’ Ian Borg

Fis-sentenza tagħha dwar kawża ta’ libel li nfetħet kontra The Malta Independent, il-Qorti qalet li ma setgħetx tqis l-istqarrijiet tal-Ministru Ian Borg bħala kredibbli.

Il-libell kien infetaħ minn ċertu Mark Farrugia li kien daħal sensar bejn Ian Borg, dak iż-żmien kien Segretarju Parlamentari, u Anthony Scicluna, li biegħ lil Borg biċċa art kbira li kienet ilha s-snin f’idejn il-familja.

L-art li fiha aktar minn 650 metru kwadru u li kienet tinsab biswit propjetà li diġà kellu Borg fil-wied ta’ Santa Katerina fir-Rabat, inbiegħet lil Borg għas-somma żgħir ħafna ta’ €10,000 fl-2014.

Farrugia fetaħ libell kontra l-gazzetta the Malta Independent li kienet qalet li t-tranżazzjoni saret minkejja li kien fatt magħruf li Scicluna kellu problemi ta’ saħħa mentali. Xi ħaġa li tefgħet dell ikrah fuq din it-tranżazzjoni.

Qraba ta’ Scicluna kienu qalu lill-gazzetta li  Mark Farrugia u Franco Sammut kienu marru għal Scicluna il-Ġimgħa l-10 ta’ Jannat tal-2014 u rritornawx lura kmieni t-Tnejn filgħodu wara li għamlu jumejn idawruh minn bar għall ieħor f’Ħad Dingli. Kif wassluh id-dar, Anthony Scicluna ħa shower biddel u fis-7.00am reġa’ telaq maż-żewġt irġiel għal ghand in-Nutar Anton Borg fejn hemm iffirma l-kuntratt tal-bejgħ tal-art.

F’dan il-każ, xehdet psikjatra li kienet ilha tara lil Scicluna għal 12-il sena u li qalet li r-raġel kien ilu jbati minn problemi ta’ saħħa mentali simili għal skizzofrenija.

Ian Borg inniffsu kien xehed li kien ilu jaf lil Scicluna 18-il sena u kien jaf li kellu problemi mal-famillja.

Madankollu il-Qorti sabet li l-libell li nfetaħ fil-konfront ta’ The Malta Independent ma kellux bażi u qalet li l-artiklu li dwaru infetaħ l-istess libell kien filfatt veritier.

Il-Qorti qalet li meta wieħed iqis li Borg kien ilu jaf lil Scicluna u li wieħed mis-sensara kien jiġi minnu,diffili ħafna li jitwemmnu li ma kienux jafu li Scicluna kien fi stat vulnerabbli ħafna meta ffirma l-kuntratt tal-bejgħ tal-art għal prezz li skont il-Qorti ma kienx fil-livell tas-swieq tal-ġurnata.