Internazzjonali

Iran: Isir il-funeral tax-xjenzat maqtul, bir-reġim Iżlamiku jinsisti għal ‘tpattija’

L-ogħla ġerarkija fl-Iran organizzat il-funeral tax-xjenzat ewlieni, Mohsen Fakrizadeh, li spiċċa assassinat nhar il-Ġimgħa f’attakk li d-dettalji tiegħu għadhom xi ftit konfużi.

Sadanittant, l-Iran qed ikompli jakkuża lil Iżrael għall-qtil tax-xjenzat u wieħed, issa, qed jistenna r-reazzjoni tar-reġim Iżlamiku f’Tehran. Dan meta l-Ministru tad-Difiża Iranjan, Amir Hatemi, għamilha ċara li ‘pajjiżu se jivvendika l-qtil ta’ Fakrizadeh’ waqt li ‘ikompli bix-xogħol li hu kien qed iwettaq’.

L-aħħar indikazzjonijiet huma li l-qattiela tax-xjenzat użaw ‘tagħmir elettroniku’ għall-attakk u ma kenux preżenti fuq il-post.

Filwaqt li l-Iżraeljani ma kummentawx dwar il-qtil inkella dwar il-kummenti rabbjużi tal-Iranjani, l-awtoritajiet f’Ġerusalemm jaħsbu li Mohsen Fakrizadeh kien qed jissorvelja programm sigriet tal-Iranjani għall-iżvilupp tal-armamenti nukleari.

L-Iran qed jenfasizza li l-programm nukleari tiegħu – kuntrarju għall-allegazzjonijiet ta’ Iżrael – hu intiż għal proġetti domestiċi u mhux għal gwerra.

Iċ-ċerimonja funebri għal Fakrizadeh saret fil-Ministeru tad-Difiża fil-kapitali Iranjana – bil-katavru, wara, jitwassal f’ċimiterju lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Tehran.

Il-filmati mit-Televiżjoni tal-Istat urew it-tebut tax-xjenzat imkeffen fil-bandiera tal-Iran waqt li kien qed jinġarr mit-truppi u minn xi uffiċjali Iranjani ewlenin, fosthom il-Kmandant tal-Gwardjani Rivoluzzjonarji, il-Ġeneral Hossein Salami; il-Kap tal-Proġett Nukleari Ali Akbar Salehi u l-Ministru għall-Affarijiet Sigrieti, Mahmoud Alavi.