Lokali Qorti

Kristiansen ma jlissinx kelma mal-Pulizija dwar il-każ

Id-Daniż Jesper Kristiansen ta’ 30 sena li huwa tielet suspettat fil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, ma lissen l-beda kelma mal-Pulizija meta dan ġie interrogat mal-wasla tiegħu minn Spanja, l-pajjiż li minnu ġie estradit lura lejn Malta wara l-ħarba tiegħu lejn Barcelona.

Meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud ħareġ li l-Pulizija kienet ħamlet kuntatt ma’ ħabib tal-akkużat li qalilhom li Jesper Kristiansen kien qed jgħix mat-tfajla Ungeriża f’tas-Sliema.

Il-Pulizija kienet marret tkellimha u t-tfajla qaltilhom li huwa kien telaq minn Malta fit-28 ta’ Awwissu fis-6.30am fuq titjira ta’ Ryanair. Madankollu ma kinetx taf għal liema destinazzjoni.

Dan it-tagħrif ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent James Grech li fost oħrajn xehed dwar kif ġie mgħarraf bil-qtil doppju tat-18 ta’ Awwissu 2020 fi Triq Locker f’Tas-Sliema u kif wasslu għat-tliet suspettati mill-investigazzjonijiet li saru, fost oħrajn minn diversi filmati ta’ cameras tas-sigurtà.

Tenna li l-Albaniż Daniel Muka kien arrestat fil-25 ta’ Awwissu fil-Furjana. Meta kien interrogat mill-Pulizija, Muka ammetta li kien preżenti dak inhar tal-qtil u ta lill-Pulizija informazzjoni dwar iż-żewġ persuni l-oħra.

Muka qal li kienu t-tnejn l-oħra li sparaw mhux hu. Qal l-ewwel lill-Pulizija qalilhom li kien Jesper li spara u mbagħad qalilhom li kien Victor Dragomanski li bħal Muka huwa akkużat ukoll b’dan il-qtil doppju.

Madankollu  mill-investigazzjoni rriżulta li kien hemm żewġ persuni fir-residenza qabel kienu sparati t-tiri u dawn kienu Daniel Muka u Jesper Kristiansen. Victor Dragomanski baqa’ fil-karozza barra, kif anke kemm il-darba huwa qal dan lill-Pulizija.

Is-Supretendent Grech qal ukoll li Victor Dragomanski kien arrestat fis-26 ta’ Awwissu u lill-Pulizija qalilhom li kien miexi bil-kelb meta Muka u Jesper waqfuh u talbuh imur magħhom għal biċċa xogħol li ma kellux idea x’kienet..

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li dak inhar tad-delitt, Victor Dragomanski baqa’ fil-karozza u wara li nstemgħu t-tiri, ħareġ għalih Jesper u meta daħlu flimkien fir-residenza u raw lil Pandolfino jieħu l-aħħar nifsijiet u lil Daniel Muka kien jinsab fis-sular ta’ fuq.

Qal li Daniel Muka tressaq il-Qorti fis-27 ta’ Awwissu u Victor Dragomanski fit-28 ta’ Awwissu. Kienu bdew isiru sforzi biex isibu lil Jesper fir-residenza reġistrata fil-Gżira iżda skoprew li kien ilu li ħareġ mir-residenza x-xhur.

Is-Supretendent Grech qal li minn filmati li elevaw mill-ajruport, raw lil Jesper Kristiansen u immedjatament ħarġu mandat ta’ arrest. Saħaq Jesper Kristiansen kien arrestat fi Spanja fit-30 ta’ Awwissu.

Żied li minn Spanja bagħatulhom il-‘fingerprints’ tiegħu u dawn qablu mal-‘fingerprints’ li sabu fuq bieba tal-vettura li ntużat fil-qtil. Qal li huwa nġieb Malta fid-19 ta’ Novembru, u mal-Pulizija baqa’ sieket.

Għall-akkużat deher l-Avukat Stefano Filletti filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Colin Sheldon. Il-kumpilazzjoni tkompli għada fid-9.00am.