Internazzjonali

L-Awstralja: Tiżdied it-tensjoni maċ-Ċina fuq ritratt falz relatat ma’ reati tal-gwerra

Ir-relazzjonijiet bejn l-Awstralja u ċ-Ċina komplew jaqilbu għall-agħar wara li l-awtoritajiet Ċiniżi pubblikaw ritratt falz fuq is-sit ta’ Twitter tal-Gvern– bir-ritratt jindika ‘suldat Awstraljan waqt li qed joqtol tifel fl-Afganistan’..

Ir-ritratt qed jallega għal reati tal-gwerra li wettqu s-suldati Awstraljani fl-Afganistan u meta r-reati jinvolvu l-qtil ta’ ċivili u priġunieri Afgani.

Sadanittant, il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, ikkundanna lir-reġim komunista f’Beijing u qal li dan ir-reġim ‘imissu jħoss sens ta’ mistħija assolut talli qassam ir-ritratt qarrieqi u ripunjanti’.

Dan meta t-tensjoni politika bejn l-Awstralja u ċ-Ċina ilha tiżdied mindu l-Awstralja kkritikat bla riservi lil Beijing għar-rwol tiegħu fil-firxa tal-Covid-19 madwar id-dinja — minbarra li sejħet għal investigazzjoni dwar l-oriġini tal-coronavirus.  

Iċ-Ċiniżi, imbagħad, irritaljaw bil-versjoni tagħhom ta’ ‘sanzjonijiet’ għall-prodotti Awstraljani u fejn fl-aħħar xhur imponew tariffi fuq prodotti ewlenin li s-soltu jimpurtaw mill-Awstralja.

Aktar kmieni dan ix-xahar, rapport speċifiku żvela ‘informazzjoni kredibbli’ li madwar 25 suldati Awstraljani kienu involuti fil-qtil ta’ 39 ċivili u priġunieri Afgani bejn l-2009 u l-2013.

Ir-riżultat ta’ inkjesta mill-Qawwa tad-Difiża Awstraljana (ADF) qanqal kundanna assoluta u, fil-preżent, qed ikun investigat mill-pulizija.

Sadanittant, iċ-Ċina pruvat tagħmel kapital politiku mis-sitwazzjoni, b’Zhao Lijian, il-kelliem għall-Ministeru Ċiniż tal-Affarijiet Barranin, jiċċirkola ritratt falz u qarrieqi dwar ‘suldat Awstraljan armat b’sikkina viċin ta’ tfajjel li qed iżomm nagħġa f’idejh’.

Ir-ritratt kien referenza ovvja għall-allegazzjonijiet irrappurtati li suldati Awstraljani użaw is-skieken biex joqtlu lil żewġ subien Afgani ta’ 14-il sena.

Intant, il-Korporazzjoni tax-Xandir fl-Awstralja qalet li r-rapport tal-ADF ma jissostanzjax dawn l-allegazzjonijiet – għalkemm hu minnu li nstabu ‘il-provi kredibbli’ li fl-Afganistan sar qtil illegali dovut għat-taqsimiet tat-truppi elitisti tal-Awstralja.

It-tweet ta’ Zhao Lijian isostni ‘is-sens ta’ xokk taċ-Ċina għall-qtil ta’ ċivili Afgani taħt idejn it-truppi (Awstraljani)’ u li Beijing ‘qed jikkundanna bla riservi dawn it-tipi ta’ azzjonijiet waqt li jsejjaħ biex issir il-ġustizzja mal-persuni responsabbli.’

L-awtoritajiet Awstraljani, sadanittant, insistew biex ir-ritratt jitneħħa minn fuq Twitter bħala ‘każ ċar ta’ misinformazzjoni’, bil-Prim Ministru Morrison jikkundanna ‘l-aġir offensiv’ min-naħa ta’ Beijing.

Scott Morrison saħaq li r-ritratt, filwaqt li ma jindikax il-verità, irid jitqies bħala  ‘kalunja u gidba fuq il-qawwiet Awstaljani’. Hu kompla li ‘attentati bħal dawn, mibnija fuq il-qerq, iservu biex iċekknu liċ-Ċina f’għajnejn id-dinja’ – bl-Awstralja qed tinvestiga l-allegati reati tal-gwerra b’mod trasparenti ‘kif inhu mistenni minn pajjiż liberali u demokratiku’.

Il-Prim Ministru Awstraljan żied li ‘ftit hemm dubju li teżisti tensjoni kbira maċ-Ċina’ filwaqt li wissa lil Beijing li pajjiżi oħra qegħdin isegwu u josservaw l-azzjonijiet tar-reġim komunista fil-konfront tal-Awstralja.