Lokali Qorti

Mixli li spara fuq żewġt irġiel li ma jafhomx

Noel Barbara ta’ 40 sena u residenti Birkirkara u li jaħdem għal rasu bħala technician ġie mixli quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li darab ħafif raġel wara li spara fuqu u fuq raġel ieħor li kien miegħu f’għalqa f’Ta’ Loretu limiti tal-Gudja.

Allegatament l-inċident seħħ nhar il-Ħadd li għadda u Barbara ġie akkużat ukoll li ġarr arma tan-nar mingħajr permess tal-Pulizija, li kiser il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-arma tan-nar. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Mill-provi jirriżulta li l-akkużat kien fl-għalqa l-Gudja u marru żewġ irġiel jaħdmu f’għelieqi fil-qrib u li dawn jgħidu li l-għeliequ huma tagħhom. Barbara qal lill-Maġistrat li ma jafx min huma dawn l-irġiel.

Jidher li Barbara qal li kien hemm alwetta u spara fuqha u laqat lil wieħed mill-irġiel iżda l-irġiel allegaw li Barbara spara għal fuqhom. L-avukat difensur Mark Fenech Vella talab għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax iżda talbet għall-konfiska tal-ħames armi li għandu l-akkużat.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000 u ordnat fost kundizzjonijiet oħra li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa l-għassa. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur iż-żewġ irġiel.