Lokali Qorti

Se jiġu preżentati imma mhux mistennija jinqraw l-konverżazzjonijiet fuq WhatsApp ta’ Yorgen Fenech

Kollox jindika li meta llum wara nofs inhar se tkompli l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech mixli b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tliet snin ilu għandhom jiġu ppreżentati l-konverżazzjonijiet ta’ l-istess Fenech fuq WhatsApp.

Dawn se jiġu preżentati mill-uffiċjali tal-Europol li bħalissa jinsabu Malta. Minn informazzjoni li għandna kollox jindika li mhumiex se jinqraw fil-Qorti imma se jiġu esebiti ‘l hekk imsejjħa dokumenti elettroniċi lill-Maġistrat Rachel Montebello.

Yorgen Fenech qed jiġi mixli b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, li seħħ fis-16 t’Ottubru tal-2017 fil-Bidnija. Hija nqatlet b’karozza bomba ftit ‘il bogħod minn darha stess.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech għandha tkompli llum u ssegwi seduta oħra nhar l-Erbgħa, meta uffiċjali tal-Europol għandhom jixhdu fil-Qorti.   

Il-Europol qiegħda tgħin lit-task force Maltija li twaqqfet biex tinvestiga dan il-każ. F’Malta l-investigazzjonijiet dwar il-qtil qegħdin jitmexxew mis-Supretendent tal-Pulizija Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.   

Is-Supretendent Arnaud qal il-ġimgħa l-oħra li l-analiżi tad-data meħuda mill-apparat ta’ Fenech qed tieħu x-xhur għax hija voluminuża.  Dwar il-Europol, fix-xhieda tiegħu Arnaud spjega li qabel il-pandemija l-investigaturi kienu jkunu Malta, iżda mindu faqqgħet il-pandemija, ikollhom kuntatt online biex jagħtu aġġornamenti lil xulxin.

Kien hemm ukoll uffiċjali Maltin marru jżuru lill-Europol barra minn Malta biex jgħinu lil xulxin fl-analiżi tal-informazzjoni, anke permezz tat-traduzzjoni ta’ xi messaġġi.

Waqt il-kumpilazzjoni u anke fl-Inkesta ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ġimgħa l-oħra ħareġ li fuq mowbajl minnhom, hemm 150,000 ritratt li se jwasslu għal aktar investigazzjonijiet.

L-Avukati Therse Comodini Cachia u Jason Azzopardi qegħdin jidhru fil-każ għall-familja Caruana Galizia.