Lokali Qorti

Silvio Debono jixtieq li jasal fi ftehim mal-familja Caruana Galizia fuq il-libelli

L-imprenditur Silvio Debono qal li jixtieq jasal fi ftehim mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-libelli li huwa kien fetaħ kontriha. Qal li dak li kien għamel għamlu biex inaddaf ismu u mhux għax kellu jew għandu xi ħaġa kontriha.

Tenna li fl-2002 għal ftit tax-xhur biss il-vittma kienet konsulenta tiegħu. Parti mix-xhieda ta’ Debono ingħatat bil-magħluq. Dan ħareġ meta kompliet l-inkjesta dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, li kienet seħħet fil-Bidnija, limiti tal-Mosta fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Din l-inkjesta għandha l-għan li tistabilixxi jekk il-qtil tal-ġurnalista setax ġie evitat mill-istat. L-Imħallef Michael Mallia staqsa dwar Daphne Caruana Galizia u Debono ikkonferma li għandu kawżi ta’ libell pendenti kontriha.

“Meta kienet tikteb li jien korrott, ovvjament se niftaħ kawża ta ‘libell! Pero rrid nagħmel dikjarazzjoni ċara – irrid niltaqa ‘mal-familja Caruana Galizia u noħroġ b’soluzzjoni,” qal Debono.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lil Silvio Debono għamlet xi mistoqsijiet ukoll relatati mal-kawżi ta’ libell kontra Daphne Caruana Galizia. “Irrid li niltaqgħu u niddiskutu s-sitwazzjoni,” saħaq Debono.

Meta l-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu jekk hux se jkun tajjeb li l-blog posts dwaru jibqgħu fis-sit tagħha, huwa insista li jixtieq l-ewwel jiddiskuti mal-familja tagħha.

Comodini Cachia staqsiet ukoll dwar id-19-il każ ta’ libell ippreżentati fl-istess ġurnata kontra Daphne Caruana Galizia, u tistaqsi x’kien l-għan tiegħu.

“Jien ridt naħsel idejja minn dawn l-allegazzjonijiet u ridt nagħmel punt.” Dwar Daphne Caruana Galizia Debono qal li xtaq ukoll li jagħmel dikjarazzjoni finali lill-pubbliku, u qal li fl-2002 Daphne Caruana Galizia kienet konsulent miegħu għal xahar jew tnejn. “M’għandi xejn kontriha.”

Sadanittant mingħajr ma elabora ħafna, Silvio Debono li huwa sid il-grupp DB qal li kien jiltaqa’ ma’ l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat minħabba l-proġetti imma ma jqisx li huwa kien xi ħabib tiegħu.

Hekk kif bdiet is-seduta l-Imħallef Emeritu Michael Mallia staqsa lil Silvio Debono dwar kif il-grupp DB jersaq lejn proġetti ġodda, u jekk ikkonsultawx lil perit.

Minn naħa tagħha l-Imħallef Abigail Lofaro insistiet ukoll fuq kif jersqu lejn proġett ġdid, anke mingħajr offerta, iżda Debono qal li huma qatt ma joħorġu bi proġetti ġodda huma stess, ġeneralment imorru fuq il-bażi ta’ offerta.

Wara staqsewh fuq i-tender tad-DB-ITS, li Debono jikkonferma li dan kien inħareġ minn Projects Malta. Huwa insista li l-prezz għas-sejħa għall-offerti kien ġust, u ċċita rapport li għandu f’idejh li jgħid hekk. Debono għadda r-rapport lill-Imħallfin għal aktar evalwazzjoni.

Hekk kif Silvio Debono kompla jinsisti fuq l-integrità tat-tender, l-Imħallef Said Pullicino waqqfu u qallu. “Aħna m’aħniex hawn biex naraw jekk l-offerta kinitx ġusta jew le – m’aħniex awdituri.”

Silvio Debono tkellem mhux ftit dwar it-tender, u qal li suppost kellu jonfoq €17-il miljun fit-tender, iżda spiċċa jħallas aktar. L-eks Imħallef Michael Mallia staqsa jekk qattx tkellem ma’ Konrad Mizzi, bix-xhud jiċħad li qatt tkellem miegħu, la qabel u lanqas wara l-offerta.

“Dejjem kont interessat li niftaħ lukanda ta’ ħames stilel.” Huwa saħaq li dejjem kellu għajnejh miftuħa għal dan it-tip ta’ proġett u mar għalih meta ra l-opportunità.  

Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino staqsa dwar donazzjonijiet lil partiti politiċi, u Silvio Debono jinsisti li l-kumpanija tiegħu tat donazzjoni ta’ flus liż-żewġ partiti ewlenin u kemm.

Debono qal li mill-memorja seta’ ta’ bejn € 5,000 u 7,000 fis-sena lill-Partit Laburista u €6,000 lill-Partit Nazzjonalista. Huwa xtaq ukoll li jagħmel dikjarazzjoni finali lill-pubbliku, u qal li fl-2002 Daphne Caruana Galizia kienet konsulent miegħu għal xahar jew tnejn. “M’għandi xejn kontriha.”

Wara li kompla jixhed bil-magħluq, Paul Apap Bologna li għandu ishma fl-Electrogas u li għat-tielet darba ttella fl-Inkjesta l-Qorti Pubblika, ppreżenta xi dokumenti fil-Qorti u fost dawn fid-dokumenti hemm il-kuntratti, it-tranżazzjonijiet kollha f’GEM, l-ispiża tar-riservazzjoni, u skeda ta’ żmien tal-poloz tal-assigurazzjoni b’korrispondenza rilevanti u ċertifikati uffiċjali tal-assigurazzjoni.

L-Avukat Therese Comodini Cachia tistaqsih dwar il-ħatra ta’ Gasan, u jekk kienx inkluż fl-email fejn Yorgen Fenech ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-konsorzju. Huwa jgħid li dan kien fl-email, iżda m’għandux kopja fuqu.

Huwa ġie ordnat biex jippreżenta kopja lill-bord. Wara kien l-eks Direttur tal-Informazzjoni f’Kastilja, Kurt Farrugia, li wkoll ippreżenta numru ta’ dokumenti, fosthom dwar il-premju ta’ €1 miljun offrut mill-Prim Ministru wara l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia għal informazzjoni dwar il-każ.

Is-seduta li jmiss se nhar l-Erbgħa fejn mistenni jixhed Saviour Attard fid- 9.30am.