Futbol Sport

Valletta mhux se jgħaġġlu fid-deċiżjoni ta’ kowċ ġdid, b’Gilbert Agius għalissa se jkun responsabbli

L-għada li Jesmond Zerafa ħabbar fuq Replay (Net Television) li kien qiegħed jirreżenja minn kowċ ta’ Valletta Football Club, matul il-ġurnata tal-lum ma waqfux l-ispekulazzjonijiet b’ismijiet ta’ kowċis li jistgħu jassumu l-kariga ta’ kowċ ta’ dan it-tim. Madankollu kelliem għall-kumitat ta’ Valletta, li tkellem ma’ Replay, qal li m’hemm ebda persuna favorita jew li qed tiġi kkonsidrata fil-mument, biex tieħu t-tmexxija teknika tat-tim, għaliex il-klabb mhux se jkun qed jgħaġġel biex jieħu din id-deċiżjoni.

Il-kumitat ta’ Valletta se jkun qed jiltaqa’ għata t-Tlieta, biex fost l-oħrajn jiddiskuti din il-kwistjoni, pero jidher ċar li l-ħsieb hu li l-assistant kowċ tat-tim, Gilbert Agius għalissa jieħu r-responsabiltá kollha bħala kowċ. Dan ifisser li għall-partita tant mistennija ta’ nhar il-Ħadd li ġej, bejn Valletta u ċ-champions Floriana FC, il-Beltin se jitmexxew mill-eks plejer internazzjonali Malti, li lagħab viċin il-500 partita ma’ Valletta u rebaħ fost l-oħrajn tmien Kampjonati mat-tim tal-Belt Kapitali.

Hu mifhum ukoll li għalkemm f’sezzjoni oħra tal-media, bdew jissemmew diġa’ diversi ismijiet ta’ kowċis prospettivi, għar-rwol ta’ kowċ ta’ Valletta, fil-veritá l-għażla numru wieħed tal-klabb fil-mument hi li Agius jibqa’ fit-tmexxija, kemm il-darba l-istess Agius jaċċetta. Għalkemm f’ċirkostanzi differenti, dan ix-xenarju diġa’ seħħ fil-klann Belti, meta lejn l-aħħar tal-istaġun 2018/19 kien spiċċa Danilo Doncic minn kowċ u Agius assuma l-kariga għall-aħħar ftit partiti tal-Kampjonat.

Dak in-nhar, Agius kien promoss minn assistant kowċ għal kowċ ta’ Valletta, u Stefan Giglio kien inħatar bħala assistant kowċ. Valletta kienu waslu biex rebħu l-Kampjonat Premier b’decider kontra Hibernians F.C., li kien deċiż bil-penalties.