Internazzjonali

COVID-19: Jirriżenja konsulent kontroversjali ma’ Donald Trump

Scott Atlas irriżenja minn konsulent speċjali dwar il-coronavirus għall-President Amerikan Donald Trump u wara xhur karatterizzati minn diversi kontroversji li fihom, hu kien ‘il-protagonista’.

Atlas, li hu radjoloġista, sar magħruf għat-teoriji diskutibbli tiegħu dwar il-coronavirus u fl-erba’ xhur li dam f’dan ir-rwol hu ikkuntesta l-ħtieġa għall-maskri tal-wiċċ u miżuri oħrajn għat-trażżin tal-pandemija.

Minbarra li ħareġ kontra l-impożizzjon tal-lockdowns, Altas qed jappoġġja wkoll il-kunċett tal-immunità tal-massa – jew aħjar herd immunity – bħala strateġija effettiva fil-konfront tal-pandemija.

Fil-fatt, Scott Atlas, fl-aħħar xhur, kellu diversi battibekki mat-task force impenjat għall-kampanja kontra l-Covid-19 fl-Istati Uniti.

U proprju x-xahar li għadda, Atlas kompla jrewwaħ in-nirien tal-kontroversja meta bagħat messaġġ fuq Twitter biex in-nies jirvellaw wara l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet ta’ sigurtà ġodda fl-Istat ta’ Michigan.

Dan waqt li diversi uffiċjali tas-saħħa fl-Istati Uniti – li jinkludu lit-tabib Anthony Fauci, bħala l-espert ewlieni dwar il-mard li jittieħed – akkużaw lil Scott Atlas b’li provda lill-President Trump b’informazzjoni falza u qarrieqa dwar il-firxa tal-coronavirus.

Wara r-riżenja ta’ Atlas, Anthony Fauci qal li s-sitwazzjoni tal-coronavirus fl-Istati Uniti hi agħar milli qatt kienet mill-bidu tal-pandemija, aktar kmieni fis-sena. Fauci, fil-fatt, esprima l-inkwiet tiegħu ‘għall-fatt li, kuljum, l-Istati Uniti tidher li qed twaqqaf rekord ġdid f’dak kollu li jirrigwarda trasmissjonijiet tal-virus’.