Lokali

“Festa ta’ ġenerożità” b’risq id-Dar tal-Providenza

L-ewwel tas-sena dalwaqt magħna …u kull sena f’din il-ġurnata id-Dar tal-Providenza torganizza Festa ta’ Ġenerożita fejn il-poplu Malti u Għawdxi ikun imsejjah jagħti d-donazzjonijiet tiegħu sabiex isostni l-ħidma tad-Dar bl-għajnuna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Jesmond Saliba li huwa membru fil-Bord tad-Dar tal-Providenza, stqarr li minn Marzu kellhom jitwaqqfu l-attivitajiet kollha ta’ ġbir ta’ fondi li kienu ppjanati ….fosthom il-maratona tal-volleyball u diversi kuncerti oħrajn. Li ma setgħux isiru dawn l-attivitajiet fisser telf finanzjarju għad-Dar. Minkejja dan kollu, kien hemm diversi individwi li xorta waħda taw donazzjonijiet b’risq id-Dar tal-Providenza.

Huwa insista li matul is-sena li ġejja ma jixtiequx li jibqgħu lura milli jkomplu jtejbu s-servizzi li joffru u għaldaqstant qed jippjanaw li fost l-oħrajn ; Tinfetaħ dar ġdida fil-komunità tal-Balluta; jingħata aktar taħriġ għall-ħaddiema; jinvestu f’aktar professjonisti u jinbeda proġett ambizzjuż ta’ refurbishment f’erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni li għandu jtejjeb l-ambjent li fih jgħixu uħud mir-residenti.

Bħal kull sena, l-Festa ta’ Ġenerożita’ se tkun trasmessa fuq diversi stazzjonijiet fosthom Net TV bejn nofsinhar u nofsillejl.

Il-pubbliku li jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jċempel fuq in-numri li jkunu qed jidhru fuq l-iscreen tat-televixin.  Dawk li jkunu jridu jagħtu pleġġ ikunu jistgħu iċemplu u jagħmlu pleġġ fuq numru apposta bl-ammont li jixtiequ.  Wara jkunu jistgħu jibgħatu d-donazzjoni tagħhom online jew bil-posta.